Żewġ uffiċjali nisa tal-LESA weġġgħu wara li l-karozza li kienu fiha baqgħet dieħla fil-barrikati.
L-inċident seħħ it-Tlieta waranofsinhar għall-ħabta tas-2:30 fi Vjal Santa Luċija, Raħal Ġdid.
Il-Pulizija marret fil-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li vettura tas-servizz tal-LESA ħabtet fil-barrikati tat-triq. Fil-karozza kien hemm żewġ uffiċjali nisa li sofrew xi ġrieħi.
Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Iktar tard, ix-xufiera ta’ 51 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif filwaqt li l-passiġġiera, mara ta’ 52 sena, ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
//= $special ?>