Stephen Spiteri, PN
Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-kwistjoni fl-MCAST bejn l-MUT u l-Gver Laburista qed tħalli effetti negattivi għaliex ma ntlaħaqx ftehim dwar il-ħaddiem li jaħdmu ma’ madwar 8,000 student.
Hu qal li l-istudenti għandhom l-assessments mhux finalizzati bil-konsegwenza li dawk li temmew l-aħħar sena u jridu jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew ikomplu bl-istudju tax-xogħol, jinsabu maqbudin f’rokna.
Hu qal li jekk ma jintlaħaqx ftehim qabel il-vaganzi tas-sajf, l-istudenti mhux se jkollhom riżultati jew approvazzjoni tad-degrees tagħhom fl-aħħar sena. Fin-nursing, hemm nuqqas kbir iżda dawn l-istudenti mhux se jkunu jistgħu jaħdmu; għalhekk l-impatt hu wieħed kbir.
Id-deputat Nazzjonalista qal li dawn is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu solvuti għaliex l-impatt fuq l-istudenti hu kbir. Għalhekk il-letturi għandhom ikunu stmati kif jixraq u b’mod ġust, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li din it-tilwima issa ilha għaddejja xhur twal fejn huma l-istudenti li qed ibatu.