Lokali

“Id-dejn tal-Gvern jaqbeż l-€10 biljun, b’€600,000 imgħaxijiet li jħallas il-poplu kuljum”

“Ma nistgħux ma nikkundannawx l-infiq bla rażan, bla kejl u kontabbiltà li wassal għall-miljuni kbar imberbqin bla ma hemm xejn jagħmel tajjeb għalihom. U iva, miljuni mormija f’korruzzjoni, miljuni li setgħu intużaw fi proġetti ta’ fejda għall-poplu Malti u Għawdxi.”

Kienet din iċ-ċanfira li ngħata Robert Abela fi tmiem il-konferenza “l-Istat tan-Nazzjon” fid-dawl tal-aħbar li Malta mistennija tiffaċċja proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

Id-Deputat Claudette Buttigieg kienet qed tindirizza din il-konferenza f’isem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, illi kien indispost, fejn fakkret fl-ammonti kbar ta’ dejn li pajjiżna qed iġorr kaġun tat-traskuraġni u l-infiq bla rażan.

“Id-dejn, li jaqbeż l-€10 biljuni, bi kważi €600,000 imgħaxijiet li qed iħallas il-poplu kuljum minħabba d-dejn tal-Gvern huma allarmanti u mhux sostenibbli. Issa fil-miżuri korrettivi li se jittieħdu, irridu niżguraw li qatt, ma tinqata’ l-għajnuna lejn min l-aktar għandu bżonn.”

Id-deputat Nazzjonalista fakkret kif il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jisħaq li hemm bżonn nagħtu importanza partikolari lejn il-mudell ekonomiku qabel ikun tard wisq. Biex issa qed naraw  in-nuqqasijiet tal-Gvern iħallu impatt fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

“Ġejna f’sitwazzjoni issa, li flok qed nitkellmu fuq pjan fit-tul fuq kif se jkollna ekonomija li tista’ tikber u tiżviluppa mingħajr ma toħloq ħsara irreparabbli lill-ambjent – ekonomija li tibbilanċja t-tkabbir ekonomiku mal-ħarsien tar-riżorsi naturali u l-ġustizzja soċjali – se nkunu qegħdin nitkellmu fuq road map dwar kif se ninqalgħu mill-excessive deficit procedure, u dan 3 snin wara li konna grey listed bil-konsegwenzi li dawn iġibu magħhom fuq il-kompettività ta’ pajjiżna.”

Intqal ukoll illi issa jeħtieġ li pajjiżna jinvesti f’enerġija rinnovabbli u nħarsu l-ambjent, li jsir investiment veru fl-edukazzjoni u fil-ġenerazzjonijiet futuri, u investiment f’setturi ġodda u innovattivi.

“Huwa ċar li l-ġejjieni jiddependi fuq l-għażliet li nagħmlu llum. B’azzjoni kkoordinata u b’viżjoni ċara, nistgħu niżguraw li Malta mhux biss ikollha ekonomija sostenibbli, iżda wkoll pajjiż fejn żgħar u kbar jaraw il-futur tagħhom mingħajr qtigħ il-qalb, mimlijin enerġija u entużjażmu ħalli jilqgħu l-isfidi ta’ kuljum.”