Internazzjonali

Il-Vjetnam: Iż-żjara ta’ Putin serviet ‘biex tippromwovi l-aggressjoni tal-Kremlin’

Il-President tar-Russja Vladimir Putin, bħalissa, għaddej bi żjara fil-Vjetna…Żjara li fiha, hu u l-President Vjetnamit To Lam impenjaw ruħhom biex jistimolaw ir-rabtiet waqt il-laqgħat f’Hanoi.

Sadanittant l-Istati Uniti kritikat iż-żjara ta’ Putin f’pajjiż li minn dejjem kellu rabtiet mill-qrib ħafna mar-Russja – u li spikkaw b’mod speċjali waqt il-Gwerra tal-Vjetnam li damet mill-1954 sal-1975. Fil-fatt, il-kelliema f’Washington qalu li ż-żjara ta’ Putin fil-Vjetnam qed tgħin biex hu jippromwovi l-aggressjoni tal-qawwiet tal-Kremlin waqt il-kunflitt attwali fl-Ukrajna.

Fil-fatt,  din iż-żjara – ftit wara l-impenji ta’ Putin fil-Korea ta’ Fuq — qed tkun interpretata bħala dimostrazzjoni tal-appoġġ diplomatiku għar-Russja minn diversi pajjiżi ( inkluża l-Vjetnam) f’dik il-parti tad-dinja.

Il-President To Lam, fl-aħħar sigħat, faħħar ħafna lil Putin fost il-messaġġ ta’ kongratulazzjoni għall-aħħar konferma (elettorali) tiegħu bħala President tar-Russja, U waqt li To Lam awgura t-tisħiħ kontinwu tar-relazzjonijiet bilaterali, Putin stess enfasizza li Moska qed tagħti priorità lit-tisħiħ tal-partnership strateġiku mal-Vjetnam, li jinsab fix-Xlokk tal-Asja.

Sadanittant, hu minnu wkoll li għalkemm il-Vjetnam dejjem irid jonora u jirrispetta r-rabtiet storiċi mar-Russja, il-Gvernijiet f’Hanoi, fl-aħħar snin, impenjaw ruħhom biex itejjbu r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, kif ukoll mal-Ewropa.

L-ekonomija tal-Vjetnam, illum, hi integrata fis-swieq globali u meta l-pajjiż għadu sallum juża tagħmir militari li fil-parti kbira hu prodott mir-Russja, Dan waqt li l-Vjetnam  jiddependi wkoll mill-partnerships mal-kumpanniji Russi fil-qasam tal-esplorazzjoni taż-żejt u li huma bażati fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.