Internazzjonali

In-NATO: Mark Rutte, is-suċċessur ta’ Stoltenberg bħala Segretarju Ġenerali tal-Alleanza

Il-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte, li qed jispiċċa mill-kariga, se jkun ikkonfermat bħala l-Kap tal-Alleanza tan-NATO għas-snin li ġejjin u bħala s-suċċessur tal-Kap attwali Jens Stoltenberg.

Stoltenberg, li hu Norveġiż, iddistingwa ruħu bil-mod kif hu mexxa lill-Alleanza waqt dawn iż-żmenijiet delikati, b’Rutte, issa, jista’ jipprepara għar-rwol ta’ Segretarju Ġenerali tal-Alleanza ladarba r-Rumanija – wara perjodu ta’ kunsiderazzjoni — iddeċidiet biex tappoġġja l-kandidatura tiegħu.

Sadanittant, l-Alleanza transatlantika għandha tkompli tiffaċċja r-riperkussjonijiet u l-iżviluppi mill-Gwerra tal-Ukrajna. Dan ukoll meta l-Istati Uniti tista’, ‘il quddiem, ma tibqax daqshekk impenjata biex terfa’ l-akbar piż tad-difiża minn fost il-pajjiżi-membri.

Ir-rapporti qalu li Mark Rutte għandu jkun ikkonfermat Segretarju Ġenerali tan-NATO ftit qabel is-summit li se jsir f’Washington (fl-Istati Uniti ) ix-xahar id-dieħel…Summit li hu wkoll sinifikanti għaliex se jimmarka s-75 sena mit-twaqqif  ta’ din l-Alleanza.