Is-Slovenja u s-Serbja jiltaqgħu fl-Allianz Arena ta’ Munich biex jirkupraw dak li tilfu fl-ewwel logħba. It-tnejn ma rebħux iżda s-Sloveni kisbu punt kontra d-Danimarka li jista’ jkun determinanti biex jikkwalifikaw.
Is-Sloveni qed jipparteċipaw għall-ewwel darba mill-Kampjonat Ewropew tal-2000 u għadhom qed jistennew l-ewwel rebħa f’Kampjonat Ewropew kemm ilhom nazzjon indipendenti. Huma mhux megħluba fl-aħħar seba’ logħbiet internazzjonali iżda rebħu logħba biss minn erbgħa kontra s-Serbja, bl-aħħar impenn riċenti jkun f’Ġunju tal-2022.
Sitwazzjoni simili għas-Serbja li qed tikkompeti għall-ewwel darba f’Kampjonat Ewropew bħala nazzjon indipendenti. Is-Serbi kienu neqsin mill-preċiżjoni fl-attakk kontra l-Ingilterra minkejja li fit-tieni taqsima tejbu l-prestazzjoni.
Is-Sloveni jistgħu joħorġu bl-istess formazzjoni li spiċċat 1-1 kontra d-Danimarka. Benjamin Sesko jista’ jkun akkumpanjat fl-attakk minn Andraz Sporar. Għas-Serbja, nieqes żgur se jkun Filip Kostic li weġġa’ kontra l-Ingilterra u se jitlef il-kumplament tal-logħbiet. Jekk Sergej Milinkovic-Savic jilgħab aktar irtirat, jista’ jkun li jkun inkluż mill-bidu Dusan Tadic.
//= $special ?>