Is-Serbja żammet l-aħjar għall-aħħar u salvat punt li jista’ jkun fondamentali. Finalment id-draw ta’ 1-1 kien ġust għall-isforzi taż-żewġ timijiet tul il-logħba f’logħba fejn iż-żewġ timijiet ħolqu opportunitajiet ta’ skor. Iżda kif żvolġiet il-logħba, is-Sloveni jħossuhom misruqa minn rebħa hekk kif sofrew il-gowl proprju fl-aħħar azzjoni tal-logħba.
L-ewwel xutt fil-lasta wasal għas-Slovenja wara erba’ minuti permezz ta’ Adam Cerin iżda x-xutt mid-distanza kien ċentrali u Predrag Rajkovic salva. Erba’ minuti wara l-gowlkiper Serb reġa’ kien fl-azzjoni u din id-darba dawwar f’korner b’siequ xutt fil-baxx ta’ Jan Mlakar.
Is-Serbja daħlet iktar fil-logħba u bdiet toħloq ukoll l-okkażjonijiet. Fis-27 minuta Dusan Vlahovic tar minn tulu għal kross mix-xellug iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet ċentrali u spiċċat f’idejn Jan Oblak. Erba’ minuti wara, Aleksandar Mitrovic ma laħaqx fil-ħin biex ikompli l-ballun għal ġewwa minn korner mil-lemin.
L-aħjar ċans tal-ewwel taqsima wasal għas-Slovenja fit-38 minuta. Timi Elsnik laqat il-wieqfa minn pożizzjoni tajba mill-kaxxa, il-ballun għadda qrib Andraz Sporar u spiċċa għand Benjamin Sesko li kkontrolla iżda xxuttja għoli. Fuq in-naħa l-oħra, Oblak spikka fit-42 minuta meta ħareġ fil-ħin biex salva t-tentattiv mill-viċin ta’ Mitrovic.
It-tieni taqsima kompliet fejn spiċċat l-ewwel waħda u fil-50 minuta Jaka Bijol kważi xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess minn kross mix-xellug. Okkażjoni għas-Slovenja fit-58 minuta u din id-darba spikka Rajkovic li bi bravura dawwar f’korner xutt perikoluż ta’ Sesko.
Finalment l-iskor infetaħ fid-69 minuta. Kien proprju ŽAN KARNIČNIK li beda l-azzjoni fuq il-lemin, qassam lejn Timi Elsnik u baqa’ dieħel fil-kaxxa. In-numru 10 tefa’ kross lejn id-difensur li daħal tajjeb u b’konklużjoni mill-ewwel għeleb lil Rajkovic. Mitrovic mar qrib id-draw ftit minuti wara iżda x-xutt li kien imxellef ftit, stampa mal-mimduda.
Karničnik mar qrib it-tieni gowl b’xutt fil-baxx li għadda ftit barra u fit-82 minuta, daqstant ieħor mar viċin is-sostitut Lazar Samardzic b’azzjoni personali li ntemmet b’xutt li għadda ftit barra. Is-Serbja tefgħet kollox fuq l-attakk u ġiet ppremjata bl-aħħar attakk tal-logħba fil-95 minuta. Minn korner mil-lemin, għola tajjeb is-sostitut LUKA JOVIC li b’daqqa ta’ ras għar-rokna evita telfa filwaqt li qasam il-qlub tas-Sloveni.
//= $special ?>