Lokali Parlament

Kuraġġ u tama: Il-messaġġ tal-vot tat-8 ta’ Ġunju

– Jerome Caruana Cilia, PN

Messaġġ ċar liż-żewġ partit politiċi ewlenin.

Hekk iddeskriva l-vot tat-8 ta’ Ġunju, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, id-deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia.

F’aġġornament fil-Parlament, huwa fakkar kif riżultat ta’ 42.02% kien l-akbar wieħed miksub mill-Partit Nazzjonalista kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, żieda ta’ aktar minn 4% fuq l-aħħar elezzjoni fl-2019. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista naqqas iktar minn 9%, minn 54.29% għal 45.26%, biex tilef il-maġġoranza assoluta li kellu. Dan wassal biex id-distakk naqas minn madwar 42,600 vot għal madwar 8,400 vot, u b’hekk il-Partit Nazzjonalista kiseb lura t-tielet siġġu.

Għad-deputat Jerome Caruana Cilia, dan ir-riżultat fisser li eluf ta’ votanti wasslu messaġġ li mhux biss it-tmexxija Laburista qed tkun ta’ ħsara għal pajjiżna, iżda qed jara li l-Partit Nazzjonalista qed joffri alternattiva. “Għandna proposti fuq l-aktar temi li jolqtu n-nies. Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista beda jasal. Il-ħidma tagħna, bla waqfien, li ta’ kuljum niltaqgħu ma’ persuni, familji, sidien ta’ negozju, imprendituri u self-employed qed tħalli l-frott”.

Id-deputat Jerome Caruana Cilia, Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, qal li r-riżultat juri apprezzament tal-votant lejn it-taħlita ta’ deputati li jirrappreżentaw dan il-Partit, nies validi, taħlita ta’ żgħażagħ b’enerġija u politiċi li joffru esperjenza. “Qed naħdmu bħala tim wieħed immexxija mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. L-għaqda qed issaħħaħ lill-Partit u dan ġie rifless f’vot aktar b’saħħtu”, kompla jgħid.

Madankollu, huwa wissa kif it-triq għall-Partit Nazzjonalista għadha waħda twila, hekk kif eluf ta’ votanti, anke wħud li fil-passat ivvutaw mhux lill-Partit Nazzjonalista, li jew ma vvutawx jew għażlu lill-indipendenti jew partit ieħor li mhux il-Partit Laburista. “Dawn in-nies, fehmu li Gvern Laburista mhux soluzzjoni. Iżda din id-darba xorta ma tawniex il-fiduċja tagħhom. Għalhekk irridu nkunu umli, u nibqgħu naħdmu, nitkellmu iżda fuq kollox nisimgħu”, kompla jgħid.

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia żied jgħid li l-poplu għadda messaġġ ċar lill-Gvern Laburista li ma jaqbilx mal-attitudni arroganti u l-qalb iebsa kif wera kontinwament il-Prim Ministru Robert Abela u wħud mill-klikka Laburista. “Il-poplu għadda messaġġ li xeba’ mill-korruzzjoni, mill-politika ta’ insulti lejn min ma jkunx jaqbel miegħek u xeba’ mill-politika ekonomika taċ-cheap labour li poġġiet lill-ħaddiem Malti f’morsa. Il-poplu, bir-raġun, irid politika ekonomika li twassal għal xogħol u karrieri ta’ kwalità. “


Id-deputat Nazzjonalista aċċenna wkoll għar-rwol importanti li kellhom iż-żgħażagħ f’din l-elezzjoni, li reġgħu resqu lura lejn il-Partit Nazzjonalista. “Iż-żgħażagħ iridu min joffrilhom tama għal nifs ġdid fil-politika. Ma jridux buzzwords u slogans. Iridu tama għall-kwalità ta’ ħajja aħjar, f’pajjiżna stess. Xi ħaġa li l-Gvern mhux qed joffri u jidher li qata’ qalbu li jibda joffri”.

Meta wieħed iqis dan kollu, id-deputat Nazzjonalista qal li r-riżultat tal-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju huwa messaġġ ta’ kuraġġ, tama u fiduċja. “Vot li jgħidilna – komplu aħdmu, il-poplu għaraf li pajjiżna jixraqlu aħjar”.