Internazzjonali

L-Indja: Każ ieħor ta’ vittmi mill-alkoħol ivvelenat

Mietu talanqas 45 persuna wara li xorbu l-alkoħol illegali u li kien jinkludi l-elementi tossiċi…Dan meta l-awtoritajiet tal-pulizija u oħrajn fil-qasam mediku qed jinvestigaw l-iżviluppi fid-distrett ta’ Kallakuruchi, fl-Istat ta’ Tamil Nadu.

Iċ-ċifra tal-vittmi mistennija li titla u fost rapporti li talanqas 100 persuna oħra li xorbu dan l-alkoħol jinsabu rikoverati l-isptar għal dehydration eċċessiv u fejn anki qed ikunu trattati għal sintomi oħrajn tal-ivvelenar.

Il-każ wassal ukoll għal numru ta’ arresti – bl-awtoritajiet f’Tamil Nadu jissospendu uffiċjal ewlieni tal-Pulizija flimkien ma’ għaxar membri tas-settur għall-ħarsien kontra t-traffikar tal-alkoħol illegali lejn l-Istat. Ingħad li s-sospensjonijiet huma dovuti għal ‘negliġenza’ min-naħa ta’ dawn il-persuni

Kull sena, fl-Indja, imutu l-għexieren tan-nies li jkunu xorbu l-alkoħol prodott mill-metodi mhumiex approvati mill-awtoritajiet ikkonċernati. Dan meta t-traffikanti u l-bejjiegħa kemm-il darba jħalltu l-kimika tal-metanol — li għandha kwalitajiet mill-aktar tossiċi u li kultant tintuża bħala antifreeze – mal-alkoħol…ħafna drabi b’riżultati fatali.