Il-Ħamis ingħatat bidu għall-konferenza annwali l-Istat tan-Nazzjon fejn ġew diskussi diversi temi li qed jaffetwaw lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex ikun stabbilit f’liema direzzjoni pajjiżna sejjer għall-ġejjieni.
Fetħet din il-konferenza l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, fejn qalet li din il-konferenza hi waħda importanti hekk kif minn stħarriġ li sar tista’ verament tingħata gwida għall-istituzzjonijiet fit-tmexxija ta’ pajjiżna.
“L-iskop huwa wieħed, li l-istħarriġ jipprovdi fondi ta’ informazzjoni li tista’ sservi ta’ gwida għal dawk l-istituzzjonijiet li għandhom kummissjoni fost il-poplu u partiti li jemmnu li jistgħu jmexxu lill-poplu ‘l quddiem,” qalet Spiteri Debono.
L-istħarriġ li sar bl-isem l-Istat tan-Nazzjon mill-istatistiku Vincent Marmarà, iffoka fuq il-ħtiġijiet u l-opinjonijiet taċ-ċittadini Maltin sabiex pajjiżna jifhem aħjar min hu l-poplu Malti u Għawdxi f’dawn iż-żminijiet.
L-għanijiet prinċipali ta’ din ir-riċerka kienu dwar ir-reliġjon, il-kultura, l-impjieg, l-għażliet li wieħed jagħmel ta’ kuljum, id-drittijiet, il-politika, l-aspett finanzjarju, u l-ekonomija.
Interessanti li wieħed jinnota kif kemm ilu jsir dan l-istħarriġ, fuq firxa ta’ erba’ snin, wara żmien il-COVID jidher biċ-ċar li l-ammont ta’ persuni li saru jippjanaw ħajjithom naqas sew, b’ħafna saru jgħixu ġurnata b’ġurnata.
L-iktar fattur importanti hu li erbgħa minn kull ħamsa qalu li l-istandard tal-għajxien tagħhom huwa mal-medja.
Meta mistoqsija dwar il-mudell ekonomiku, għal ħafna nies, il-bżonn u dak li jixtiequ mhumiex jaqblu. 35.2% jaħsbu li l-barranin mhumiex is-soluzzjoni, imma għall-poplu t-turiżmu huwa l-aktar settur importanti biex l-ekonomija tagħna tkompli tikber.
Dan iwassalna biex minn dan l-istħarriġ naraw li aktar minn terz tal-poplu mhux komdu bit-taħlit tal-kulturi flimkien. Terz tal-poplu jaħseb li m’għandniex bżonn il-barranin biex tikber l-ekonomija, u 36.7% huma newtrali.
Dan filwaqt li l-familja baqgħet sors importanti hekk kif f’kull sitwazzjoni fil-ħajja, fil-maġġoranza javviċinaw qrabat tagħhom għall-għajnuna.
Kompla jieħu daqqa ta’ ħarta ‘l isfel it-twemmin f’Alla u r-reliġjonijiet b’mod speċjali fost dawk iżgħar fl-età u dawk li għandhom livell ta’ edukazzjoni għola.
Iż-żgħażagħ qed juru tnaqqis lejn l-użu tal-Malti u qed juru wkoll li jippreferu kieku twieldu u trabbew f’pajjiż ieħor.
Il-politika wkoll qed tidher li qed tingħata inqas importanza fost il-poplu Malti u Għawdxi. Fattur interessanti hu li r-riċerka saret fl-eqqel ta’ kampanja elettorali.
Fejn tidħol il-midja, wieħed qed iżomm ruħu aġġornat l-iktar permezz tal-midja soċjali bħal Facebook, bit-televiżjoni kompla jonqos fil-popolarità tiegħu.
//= $special ?>