Wara li l-istudenti tal-MCAST ilhom għal dawn l-aħħar xhur għaddejjin minn diffikultajiet minħabba n-nuqqasijiet tal-Gvern Laburista lejn l-għalliema, issa saret petizzjoni sabiex jappellaw lill-Prim Ministru, Robert Abela biex jintervjeni u jgħin lill-istudenti affettwati.
Għal dawn l-aħħar ġimgħat, l-istudenti tħallew fid-dlam dwar il-progress tagħhom u studji ulterjuri possibbli, b’madwar 8,000 persuna qed tkun affettwata b’xi mod jew ieħor. Dan għaliex in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-marki li kisbu fl-eżamijiet u xogħol li wettqu qed twassal biex ma jkunux jistgħu japplikaw għal xi kors fl-Università ta’ Malta – u wisq inqas jistgħu jibdew jaħdmu fis-settur li huma studjaw fih.
Dan kollu qed iseħħ minħabba li l-Gvern ilu x-xhur iwiegħed lill-edukaturi kundizzjonijiet u pagi aħjar; iżda baqa’ ma wasalx. L-MUT sejħet tilwima industrijali għall-għalliema tagħha – fejn waħda mill-kundizzjonijiet tinkludi ż-żamma u l-ipproċessar tal-marki tal-istudenti, li ma jservux bħala invigilator waqt l-eżamijiet u ma jkunux parti mill-proċess tal-vivas.
L-istudenti, f’messaġġ flimkien mal-petizzjoni, qed ifakkru li huma jixtiequ biss “edukazzjoni mingħajr ostakli u limiti”.
//= $special ?>