Il-ġurnata minn filgħodu bdiet ħażin għal Robert Abela wara li Deputat Laburista għadda lil Net News l-Aġenda tal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista.
Bl-istess deputat kellu t-tama li waqt din il-laqgħa Robert Abela juri ftit umiltà u ma jerġax jagħmel bħalma għamel fil-laqgħa tal-Eżekuttiv fejn ipprova jwaħħal f’kulħadd ħlief fih innifsu għar-riżultat elettorali.
Id-Deputat Laburista li tkellem magħna fl-aħħar sigħat qalilna li l-uniku mod kif Robert Abela jista’ jimxi ‘l quddiem wara r-riżultat elettorali kien permezz ta’ vot ta’ fiduċja – tema li qasmet b’mod evidenti lid-deputati.
Net News kien preżenti barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għall-ħabta ta’ nofsinhar, eżatt qabel bdiet il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari. Fost l-aktar sinifikanti, kienu r-reazzjonijiet li tawna Chris Fearne u Jonathan Attard. Sinifikanti anke l-attitudni tas-Segreatrju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti li spiċċa b’mod arroganti jipponta lejn il-cameras ta’ Net News.
Evidenti wkoll li Robert Abela ħeba l-manuvri li qed isiru biex jiddaħħal Steve Ellul fil-Parlament permezz ta’ co-option… minflok Edward Zammit Lewis li se jingħata kariga fl-Ewropa – co-option li ġiet żvelata mill-ġurnal In-Nazzjon.
Intant, qabel ma wasal Robert Abela għal din il-laqgħa, tfaċċa Manuel Cuschieri fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-Prim Ministru minn naħa tieghu ma kienx akkumpanjat mill-uffiċjali tas-soltu u kien mingħajr Aaron Zahra u Wayne Sammut li ssoltu jakkumpanjawh – żewġ esponenti ta’ Kastilja li fl-aħħar jiem, internament, spiċċaw taħt kritika enormi.
//= $special ?>