Ma jaqtgħu xejn l-aħbarijiet ħżiena li ħarġu minn Għawdex fl-aħħar jiem għall-Partit Laburista, wara li l-Labour tilef il-maġġoranza li kellu f’din il-gżira. Issa, lanqas kapaċi jsib tarf tal-kunsillieri tiegħu stess li ġew eletti.
Net News jista’ jikkonferma li l-kunsillier Laburista Corey Cardona għadu kif bagħat l-ittra tar-riżenja tiegħu mill-Kunsill Lokali tan-Nadur. Dan minkejja li hu, fl-aħħar xhur, kien imbuttat b’saħħa mill-Ministru Clint Camilleri sabiex il-Labour jaqleb il-maġġoranza f’din il-lokalità Għawdxija – xi ħaġa li ma seħħitx.
Din l-aħbar hija daqqa ta’ ħarta oħra għas-saħħa ta’ Robert Abela f’Għawdex, speċjalment wara li tilef il-maġġoranza fiż-Żebbuġ u wara r-riżultat b’saħħtu għall-PN fil-lokalità tal-Qala.
Clint Camilleri tant appoġja lil dan il-kunsillier illi kien tella’ video ukoll biex Nadurin jivvutaw lil Corey Cardona. Mhux hekk biss – iżda sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li l-Ministru Camilleri kien saħansitra poġġa’ l-vot tiegħu fuq in-Nadur apposta, biex jivvota lil Cardona.

