Sport

Ottovolante rebaħ it-trofew Camilleri Marine Ragusa Weekend

Ottovolante, ta’ John Cachia West, rebaħ it-trofew Camilleri Marine Ragusa Weekend organizzat mir-Royal Malta Yacht Club, fejn flotta varjata ta’ racers u cruisers gawdew żewġ tlielaq lejn u minn Ragusa. 

L-ewwel li bdew u ħarġu mill-Port fi grupp żgħir kienu Ottovolante, Juniper (Brian Flahive), Sailaway (Ray Schembri), Geisha (Stefan Debattista) u Corona (Luis Azzopardi/Sara Baldwin) li kien l-ewwel li wasal Ragusa segwit minn Jubatus u Ottovolante,

Madankollu, bis-sistema ta’ handicap, Ottovolante ħa r-rebħa, segwit minn Jubatus u Corona.  L-IRC Cruising Class rat lill-Inspiration ta’ Godwin Zammit, jirbaħ din it-tellieqa, segwit minn Spirit of the Wind ta’ Simon Xuereb u Dimm ta’ Kevin Pisani Zammit.

Fir-ritorn lejn Malta, il-flotta tħabtet biex toħroġ mill-Porto Turistico Marina di Ragusa, u kien evidenti li t-tiġrija kienet waħda ta’ sfida u li rriżulta fl-irtirar ta’ numru ta’ dgħajjes.

Ottovolante, reġa’ rebaħ fil-ħin korrett, segwit minn Geisha u Dimm, dan tal-aħħar kien ukoll l-ewwel fil-Klassi tal-IRC Cruisers. 

Ir-riżultat finali kien li Ottovolante rebaħ il-klassifika ġenerali, segwit minn Geisha u Jubatus. Fil-kategorija tal-Cruisers, l-ewwel tliet dgħajjes kienu Inspiration, Dimm u Janissah (Mario Debono).