EURO 2024 Futbol Sport

Riżultat li jħalli kollox inċert fi Grupp Ċ

(Ritratt: EPA)

Draw ta’ 1-1 bejn id-Danimarka u l-Ingilterra, riżultat li jħalli kollox inċert fi Grupp Ċ għalkemm l-Ingilterra xorta għadha fil-quċċata tal-grupp u b’ċans tajjeb li mhux biss tikkwalifika iżda tirbaħ il-grupp.

Il-prestazzjoni tal-Ingliżi ma kinitx brillanti, sintomatika tal-prestazzjoni kontra s-Serbja, bid-differenza li fl-ewwel konfront waslu t-tliet punti. Id-Daniżi offrew sfida denja kontra avversarju ta’ kwalità u żgur li huma l-aktar tim kuntent bir-riżultati.

L-Ingliżi fetħu l-iskor fit-18-il minuta. Kyle Walker ħa vantaġġ minn inċertezza difensiva ta’ Kristiansen, avvanza fuq il-lemin u tefa’ kross fil-baxx li b’xi mod wasal għand HARRY KANE li minn qagħda ideali xeħet wara Kasper Schmeichel. Il-gowl fisser li Kane sar it-tielet plejer Ingliż li skorja f’erba’ tournaments maġġuri għall-Ingilterra.

Il-gowl tad-draw wasal fl-24 minuta. L-Ingliżi tilfu l-pusess faċilment minn throw-in, b’Kristiansen antiċipa l-passaġġ ta’ Kane. Hu qassam lejn HJULMAND li kkontrolla u b’xutt b’saħħtu li żammu fil-baxx, għeleb lil Pickford, bil-ballun ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Pierre Emile Hojbjerg prova b’xutt minn madwar 20 metru iżda Pickford kien attent u salva.

Fil-51 minuta, xutt ta’ Declan Rice ġie salvat b’mod komdu minn Schmeichel. Minuta wara, Alexander-Arnold għadda lejn Bukayo Saka li antiċipa lil Andreas Christensen u b’xi mod laħaq qabel Schmeichel, iżda ra t-tentattiv jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka minn angolu ristrett.

L-Ingilterra laqtet il-lasta fis-56 minuta b’xutt ta’ Phil Foden li laqat sieq il-lasta filwaqt li Saka xeħet barra mir-rebound. Gareth Southgate għamel tliet bidliet lejn nofs it-tieni taqsima b’Eberechi Eze, Jarrod Bowen u Ollie Watkins daħlu f’daqqa flok Phil Foden, Bukayo Saka u Harry Kane.

Watkins mill-ewwel ħalla impatt u resaq viċin fil-71 minuta b’xutt minn angolu magħluq li ġie mdawwar f’korner minn Schmeichel wara li ħareġ jimblokka fil-ħin. Fl-aħħar minuti l-logħob ftit inbidel, biż-żewġ timijiet jippruvaw jiskorjaw il-gowl tar-rebħa mingħajr ma jieħdu sogri kbar.