Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza l-Istat tan-Nazzjon, il-Prim Ministru spiċċa ammetta dak li ilu jinsisti dwaru l-Partit Nazzjonalista – li jeħtieġ pjan ekonomiku ġdid. Iżda, fl-ebda mument ma kkommetta ruħu biex isir dan it-tibdil.
Fl-aħħar snin rajna lill-Partit Laburista fit-tmexxija ta’ pajjiżna li għażel li jinjora dak li ilu jappellalu l-poplu Malti u Għawdxi, u minflok baqa’ jmexxi bi stil li ġab ħsara kbira għas-socjeta tagħna – splużjoni fil-poplazzjoni, bini bla pjan, stress fuq l-infrastruttura, sptar iffullat, u fuq kollox għoli tal-ħajja li qed toħnoq lill-familji.
“Irridu nimxu minn kunċett ta’ tkabbir tal-ekonomija għal wieħed ta’ tisħiħ tal-ekonomija. Mhux aktar kemm jiżdiedu l-impjiegi imma kemm jirnexxielna ntejbu l-karrieri. Mhux aktar kemm kiber settur imma kemm mexa ‘l quddiem bħala kwalità ta’ produzzjoni. Mhux aktar kemm żdied id-dħul tal-familja imma kemm din il-familja tista’ tgawdi d-dħul tagħha.”
Hawnhekk, huwa kkonferma li mhux se jkun qed jagħti attenzjoni lejn id-dħul tal-familji iżda minflok it-tgawdija ta’ dik il-paga – li ta’ ħafna hi waħda miżera u ilha staġnata fl-istess livell għal snin twal.
Dan apparti li qal li, skontu, il-mudell ekonomiku ma kienx jibbaża fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni.
“Smajna wkoll li l-mudell ekonomiku li ħaddanna bħala nazzjon kien jistrieħ fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni. Din hi fil-fehma tiegħi analiżi li hija żbaljata ferm.”
Mill-istħarriġ ħareġ fost l-oħrajn kemm hawn żgħażagħ li kieku kellhom ċans ieħor, kienu jagħżlu li jitwieldu u jgħixu f’pajjiż ieħor ‘il bogħod minn pajjiżna. Stħarriġ li wera kif in-nies m’għadhomx jimpurtahom mill-politika, il-punt ewlieni għat-tmexxija ta’ pajjiżna. Dan u iktar wasal wara snin ta’ telqa minn Abela hekk kif hu kien mitluf fil-ġlied intern tal-Partit tiegħu.
Tant hu mitluf li lanqas biss semma’ punt wieħed dwar il-punti li ħarġu minn dan l-istħarriġ biex jindirizza l-inkwiet tan-nies, u minflok intilef fi propaganda politika fejn weħel biss ma’ dak li sar fil-passat.
//= $special ?>