Gowl fl-ewwel parti tat-tieni taqsima kien biżżejjed biex Spanja kisbet it-tliet punti, aċċertat mill-kwalifikazzjoni filwaqt li uriet il-potenzjal li tista’ tasal sal-aħħar fażi tal-kompetizzjoni. Minkejja d-distakk ta’ gowl, Spanja kienet dominanti u r-riżultat finali seta’ kien ikbar kieku ma kinux il-bravuri ta’ Gianluigi Donnarumma.
Spanja ħolqot l-ewwel periklu wara minuta u nofs bi kross mix-xellug ta’ Nico Williams li sab lil Pedri, b’Donnarumma jkun pront u dawwar f’korner id-daqqa ta’ ras tal-midfielder. Okkażjoni oħra tajba għal Spanja fl-10 minuta, din id-darba bi kross ta’ Alvaro Morata fil-kaxxa, Williams daħal tajjeb iżda ma nkwadrax il-lasta bid-daqqa ta’ ras tiegħu.
L-Ispanjoli komplew ikunu l-aktar tim offensiv u ma kinitx sorpriża li ħolqu azzjoni oħra fil-25 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Fabian Ruiz iżda sab lil Donnarumma attent u dawwar f’korner bi bravura. L-uniku tentattiv tal-Italja wasal lejn tmiem l-ewwel taqsima b’xutt ta’ Federico Chiesa li għadda għoli.
Il-kowċ Taljan Luciano Spalletti għamel żewġ bidliet fil-ħin tal-mistrieħ biex jipprova jilqa’ aħjar l-attakki tal-avversarji. Madankollu Spanja baqgħet fil-kmand assolut tal-logħba.
Ċans tad-deheb għalihom fit-52 minuta. Azzjoni fuq ix-xellug ta’ Marc Cuccurella bi kross għan-nofs fil-baxx lejn Pedri li kien żmarkat fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu ta biss l-illużjoni tal-gowl. Ftit wara, Pedri reġa’ prova din id-darba mid-distanza, madankollu x-xutt kien ċentrali u salvat mill-gowlkiper Taljan.
Il-gowl finalment wasal fl-54 minuta. Azzjoni ta’ Williams fuq ix-xellug, kross li Morata xellef b’daqqa ta’ ras, Donnarumma salva parzjalment u l-ballun ħabat ma’ saqajn Riccardo Calafiori u baqa’ dieħel fix-xibka. Il-gowl ma bidilx l-andament u mas-siegħa logħob xutt ta’ Lamine Yamal għadda ċentimetri barra.
Williams reġa’ mar viċin fis-70 minuta b’azzjoni personali u xutt li stampa mal-mimduda. Għalkemm l-Italja tjiebet ftit territorjalment, il-periklu quddiem il-lasta Spanjola baqa’ nieqes b’eċċezzjoni tkun free-kick ta’ Lorenzo Pellegrini li għadda ftit għoli.
L-Italja pruvat l-aħħar sforzi minkejja li qatt ma nkwetat lil Unai Simon u saħansitra kien Donnarumma li ċaħħad darbtejn lis-sostitut Ayoze Perez bi bravura.
//= $special ?>