Żewġ ġganti tal-futbol Ewropew jiltaqgħu kontra xulxin bil-mira ewlenija li jiksbu t-tliet punti u jaċċertaw minn post mal-aħħar 16. Din hi l-ħames edizzjoni konsekuttiva li dawn iż-żewġ nazzjonijiet se jilagħbu kontra xulxin. It-tnejn rebħu l-logħba tal-ftuħ, Spanja aktar konvinċenti fir-rebħa tagħhom.
Spanja ġejja minn telfa biss fl-aħħar 11-il logħba kompetittiva taħt il-kowċ Luis de la Fuente fosthom seba’ rebħiet konsekuttivi. Fl-aħħar konfront bejniethom, Spanja ħarġet rebbieħa fis-semifinali tal-UEFA Nations League iżda sa issa qatt ma rebħu tliet darbiet konsekuttivi kontra t-Taljani.
Minn meta tilfu kontra La Roja f’Ġunju li għadda, l-Italja tilfet biss logħba mill-aħħar 12, bil-kowċ Luciano Spalletti jidher li ġab enerġija ġdida fl-iskwadra. Kontra kull mistenni kontra l-Albanija, l-Italja kellha tirkupra wara li marret gowl minn taħt wara 23 sekonda għalkemm dawret il-logħba mill-ewwel.
Minkejja tħassib dwar il-kundizzjoni fiżika, kemm Rodri kif ukoll Alvaro Morata rkupraw u se jkunu għad-dispożizzjoni. Id-difensur Aymeric Laporte għadu dubjuż, bil-kowċ Spanjol mhux mistenni jagħmel bidliet kbar fit-tim.
L-istess jista’ jingħad għal Spalletti ħlief jekk jagħżel li jibda l-formazzjoni tattika. Jekk dan isir jista’ jkun li l-kowċ Taljan jibdel xi plejer minħabba l-karatteristika tal-plejers li għandu. Gianluca Scamacca mistenni jkun konfermat fl-attakk.
//= $special ?>