Għal darb’oħra kellna l-Qorti tal-Appell tikkundanna kuntratt tal-Gvern, b’din id-darba l-Qorti twaqqa’ tender b’valur ta’ €600 miljun li kien imbuttat mil-Ministeru ta’ Miriam Dalli u tiddikjara li meta ngħata t-tender, żewġ membri fil-Bord tal-Kuntratti kellhom kunflitt ta’ interess. Dan filwaqt li nġibdet ukoll l-attenzjoni fuq persuna oħra li kienet fil-Kumitat tal-Evalwazzjoni li wkoll kellha kunflitt ta’ interess.
Dan kollu juri l-wisq indħil, wisq irregolaritajiet, wisq interessi dubjużi u kunflittwali li l-Gvern ġab fuq pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jappella biex it-trasparenza tkun prijorità fl-għoti tal-konċessjonijiet u l-kuntratti. Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jappella wkoll biex ħadd ma jkollu vantaġġ jew żvantaġġ fejn jidħol l-akkwist pubbliku.
Pajjiżna jixraqlu tmexxija denja u mhux tmexxija fejn il-poplu jmur minn taħt biex igawdu dawk tal-qalba.
Pajjiżna jixraqlu amministrazzjoni nadifa tal-fondi pubbliċi għax dawk huma flus il-poplu u mhux flus Robert Abela u Miriam Dalli.
Dan intqal fi stqarrija minn Rebekah Borg ix-Shadow Minister għall-Ambjent u Eve Borg Bonello ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-klima u l-Indafa Pubblika
//= $special ?>