Lokali

Abela jinsisti li l-atmosfera fil-Grupp Parlamentari Laburista hi waħda serena

Jibqa’ ma jridx isejjaħ vot ta’ fiduċja minkejja l-appelli interni

F’nofs kriżi interna fi ħdan il-Labour, il-Mexxej Laburista Robert Abela qed jibqa’ jinsisti illi l-grupp parlamentari tiegħu huwa “seren” bħal dejjem. Dan minkejja l-emoraġija ta’ voti li sofra fl-aħħar elezzjonijiet, b’Robert Abela jfarfar minn kull forma ta’ ħtija.

Għat-tieni darba konsekuttiva, il-Ħamis tlaqqa’ l-Grupp Parlamentari tal-Labour – laqgħa li ġiet estiża għall-Ġimgħa, bil-battibekki kontinwi bejn id-Deputati ma jonqsux.

Sorsi interni saħqu ma’ Net News li huma urtati ħafna għall-fatt li Abela ma jrid jerfa’ ebda tip ta’ responsabbiltà. U kien għalhekk illi dan l-istazzjon staqsa lill-Prim Ministru hux sodisfatt bil-ħidma tat-tim tiegħu.

Mistoqsi dwar it-telf ta’ 10 kunsilli lokali, Abela saħaq li l-poplu jemmen li l-Labour huwa l-aħjar partit…iżda m’offra ebda soluzzjonijiet.

Sorsi qrib sew taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista spjegaw ma’ Net News li Abela qed jibqa’ jirrifjuta li jsejjaħ  vot ta’ fiduċja, bid-Deputati jibqgħu jaħarbu milli jwieġbu ċar u tond jekk għandhomx fiduċja fit-tmexxija.

Intant is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea kien l-unika wieħed mill-Grupp ta’ Abela li wera umiltà quddiem tali riżultat elettorali fejn stqarr illi setgħu naqsu bħala team.

U dwar il-ħatra ta’ Edward Zammit Lewis fil-Qorti Ewropea, kien hemm min sostna li ma kellu xejn kontra din l-għażla… u oħrajn li lagħbuha li ma kinux jafu biha.

U sussegwentament maċ-ċaqlieqa ta’ Zammit Lewis, sorsi tenibbli ħafna qrib Abela żvelaw li l-kandidat Laburista għall-MEPs Steve Ellul se jkun qed jingħata siġġu fil-Parlament Malti b’co-option – fatt li ħadd minnhom ma’ ċaħad.