Lokali

“Abela ma jistax jinjora l-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna” – L-editorjal ta’ ‘The Malta Independent’

“Robert Abela ma jistax jibqa’ jinjora l-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna għaliex inkella dawn se jkomplu jikbru.”

Dan kien il-messaġġ li twassal fl-Editorjal tal-Ġimgħa fil-ġurnal ‘The Malta Independent’ meta fakkar li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Gvern ta’ Robert Abela spiċċa b’ċanfira mingħand il-Kummissjoni Ewropea – bil-Gvern qed jaffaċċja excessive deficit procedure.

Fit-twissija li ħarġet il-Kummissjoni ntqal li l-Gvern jeħtieġ li jindirizza l-problema tat-traffiku, l-isfidi li hemm fis-settur tal-edukazzjoni u n-nuqqas ta’ investiment f’sorsi rinnovabbli tal-enerġija. L-editorjal jgħid li Robert Abela kemm-il darba kien imwissi fuq id-deficit.

Il-ġurnal ifakkar kif il-Gvern, fi stqarrija, injora kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u minflok spiċċa jiftaħar b’lista ta’ affarijiet li għamel matul l-aħħar snin.

Apparti minn hekk, l-editur wera tħassib għall-fatt li Robert Abela mhux qed jagħti każ id-dejn enormi li kkawża hu stess – dejn li ġurnata wara l-oħra qed ikompli jikber. L-editur qal ukoll li Robert Abela eventwalment irid jieħu azzjoni rigward id-dejn li ġie akkumulat f’pajjiżna.

Il-ġurnal jgħid li kull ġurnata li tgħaddi u li fiha Robert Abela ma jiħux azzjoni… l-Unjoni Ewropea se żżomm għajnejha fuq kull moviment li se jkun qed isir minn Kastilja.

Intant, l-editorjal ikkonkluda billi stqarr li l-Prim Ministru għandu żewġ għażliet li jista’ jagħmel: li jieħu l-azzjoi meħtieġa sabiex jonqos id-dejn ta’ pajjiżna jew li ma jagħmel xej, biex jissalvagwardja l-voti. L-editur jisħaq li Abela għandu jieħu d-deċiżjoni li se ssarraf f’ġid għal pajjiżna.