EURO 2024 Sport

“Aħna l-aqwa tim” – Luis de la Fuente

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ Spanjol Luis de la Fuente qal li fl-opinjoni tiegħu t-tim hu l-aqwa wieħed fil-kompetizzjoni wara l-prestazzjoni mill-aqwa fir-rebħa ta’ 1-0 fuq l-Italja b’awtogowl ta’ Riccardo Calafiori.

Fuente qal li jinsab kburi u kuntent ferm mhux biss bir-riżultat iżda wkoll bil-mod ta’ kif il-plejers tiegħu lagħbu. Spanja ddominaw il-partita fl-Arena AufSchalke u setgħu wkoll rebħu marġini ta’ skor akbar hekk kif fallew numru ta’ okkażjonijiet ta’ skor.

Spanja kkwalifikaw għall-fażi li jmiss hekk kif rebħu ż-żewġ partiti tagħhom fi Grupp B qabel ma fl-aħħar logħba jilagħbu kontra l-Albanija. Fuente kompla jgħid li din kienet l-aqwa partita li ra t-tim tiegħu jilgħab minn meta ħa t-tmexxija tat-tim fl-2022 wara l-eleminazzjoni li Spanja sofriet fit-Tazza tad-Dinja.