Lokali

Alex Agius Saliba ma jiċħadx l-istorja ta’ Net News

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba ma ċaħadx l-istorja ta’ Net News.

Dan wara li sorsi qrib sew taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista żvelaw magħna li t-tmexxija Laburista ma ħallewx siġġu lil Agius Saliba fir-Rialto, f’Bormla, għal waqt il-Mass Rally ta’ Robert Abela, tant li l-MEP tal-Labour u kap tad-delegazzjoni tal-MEPs Laburisti, spiċċa barra fil-pjazza.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Agius Saliba spjega li xtaqt iwettaq reazzjoni għall-istejjer li kienu qed jiċċirkolaw dwaru. Huwa insista li fl-aqwa interess tal-Gvern u l-Partit tal-Labour qatt ma ddejjaq jikkritika d-deċiżjonijiet li ma jaqbilx magħhom.

Filwaqt li ma preċiżax jgħid x’inhuma dawn id-deċiżjonijiet, Agius Saliba stqarr li qatt mhuwa se jkun qed jaħdem kontra l-interessi tal-Mexxejja tagħhna u insista dwar l-għaqda li jemmen li hemm bżonn fil-Labour.

Proprju dawn kienu ż-żewġ temi prinċipali taċ-ċamata li dabbar Alex Agius Saliba, flimkien ma’ Daniel Attard, mingħand Robert Abela.

Dan hekk kif fil-jiem li għaddew il-Prim Ministru żvoga l-korla tiegħu fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ MEPs minħabba l-fatt li waqt il-kampanji tagħhom bi tħejjija għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew stiednu lill-Eks Mexxej Laburista Joseph Muscat.

Sorsi qrib sew ta’ Abela u t-tim tiegħu saħqu ma’ Net News li l-Prim Ministru qed ifarfar it-telf ta’ voti fuq kulħadd minbarra fuqu nnifsu. Fost oħrajn qiegħed jgħid li l-ħtija ta’ dan it-tnaqqis drastiku huwa tort ta’ Muscat u ta’ min tah l-appoġġ tul il-kampanja… ironikament meta lura fil-bidu tas-sena fl-Orpheum kien huwa stess li stqarr li kien se jkun ta’ spalla mal-predeċessur tiegħu.

L-istess sorsi kienu spjegaw li għall-ewwel Mass Rally tal-Labour wara l-elezzjonijiet, għażel lil Thomas Bajada biex jindirizza s-sala għaliex huwa kien l-unika wieħed mill-eletti li ma tax is-sapport tiegħu lil Joseph Muscat.