Lokali Mużika

Ed Sheeran f’Malta

Noel D’Anastas

Stennija għall-kunċert ta’ Ed Sheeran f’Malta, ikkunsidrat wieħed mill-aktar artisti mużikali pop li kellu bejgħ kbir ta’ diski madwar id-dinja, suċċessi enormi fil-klassifiki.

Il-kunċert tiegħu f’Malta se jkun ta’ opportunita għall-ammiraturi tiegħu biex jixhdu l-prestazzjoni brillanti li jagħti f’lejla indimentikabbli. Il-kunċert tiegħu f’Malta nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Ġunju f’Ta’ Qali Picnic Area, se jkun parti mit-tour li Ed Sheeran qed jagħmel bħalissa madwar id-dinja li jġib l-isem ta’ ‘Mathematics tour’.

F’dan il-kunċert, Ed Sheeran mistenni jagħtina l-aqwa suċċessi tiegħu fosthom ‘Castle on the Hill’, ‘The A Team’, ‘I’m a Mess’, ‘Give Me Love’, ‘Thinking Out Load’, ‘Shape of You’, ‘Bad Habits’, u ‘I Don’t Care’ ma’ kanzunetti oħra li se jpaxxi lil dawk li se jimlew il-Picnic Area f’Ta’ Qali. Supporting-act għall-Sheeran se jkollu lill-kantant u songwriter Calum Scott li ħareġ mill-Britain’s Got Talent.

Dan il-kunċert se jagħmel is-sajf Malti 2024 wieħed memorabbli, kunċert li se jkompli fuq is-suċċessi miksuba minn kunċerti oħra kbar f’pajjiżna li seħħew fix-xhur li għaddew, fosthom l-ispettaklu ta’ kunċert ta’ Robbie Williams fuq il-Fosos tal-Floriana f’Awwissu li għadda, u l-kunċert ta’ Christina Aguilera fil-EuroPride Concert fl-istess post fix-xahar ta’ wara.

Il-kunċert huwa organizzat minn AEG Presents, greatt, u NNG Promotions flimkien ma’ One Fiinix Live. L-avveniment għandu wkoll is-sapport ta’ Visit Malta u l-Ministeru għat-Turiżmu. Biljetti jinxtraw minn fuq showshappening.com

Edward Christopher Sheeran

Huwa kantant u kantawtur Ingliż, ikklassifikat fost l-aktar artisti li kellhom suċċess fil-mużika pop. Ed Sheeran twieled f’Halifax, West Yorkshire, fi Frar tal-1991, u trabba f’Framlingham, Suffolk. Beda jikteb kanzunetti ta’ 11-il sena. Fil-bidu tal-2011, Sheeran ħareġ l-EP No 5 Collaborations Project u f’dik l-istess sena ffirma mal-Asylum Records.

L-album debuttanti ta’ Sheeran kien iġib l-isem ta’ + (Plus), liema album ġie rilaxxat f’Settembru tal-2011 u tela’ fil-quċċata tal-klassifika tal-albums fir-Renju Unit. Fih insibu l-ewwel hit single tiegħu ‘The A Team’. Fl-2012, Sheeran rebaħ il-Brit Awards għall-Aħjar Artist maskili solist Britanniku u l-kategorija tal-British Breakthrough Act.

It-tieni studio album × (Multiply) tnieda f’Ġunju 2014 u laħaq il-quċċata tal-klassifiċi madwar id-dinja mal-ħruġ tiegħu. Dan l-album  kellu l-aħjar bejgħ madwar id-dinja matul l-2015. Fl-istess sena, × rebaħ l-Album tas-Sena fil-Brit Awards tal-2015, u rċieva l-Premju Ivor Novello għall-kitba tal-kanzunetti mill-Akkademja Britannika tal-Kanzunetti, Kompożituri u Awturi. Is-suċċess  kbir li kellu bil-kanzunetta ‘Thinking Out Loud’ meħuda mill-album x ħa l-Grammy Award għall-aħjar kanzunetta tas-sena 2016 kif ukoll l-unur tal-Aqwa Prestazzjoni għall-artistsolist fil-qasam tal-pop.

It-tielet album ta’ Sheeran, ÷ (Divide), ġie rilaxxat f’Marzu 2017, u kien l-aktar album li nbiegħ madwar id-dinja fl-2017. L-ewwel żewġ singles minn dan l-album kienu ‘Shape of You’ u ‘Castle on the Hill’, li bihom kiser ir-rekords f’numru ta’ pajjiżi billi ddebutta fl-ewwel żewġ pożizzjonijiet tal-klassifiki. Sar ukoll l-ewwel artist li kellu żewġ kanzunetti debutt fl-aqwa 10 tal-Istati Uniti fl-istess ġimgħa. Sa Marzu 2017, Sheeran kien akkumula għaxar singles tal-aqwa 10 mill-album ÷ fil-klassifika Ingliża, u kiser ir-rekord tal-aqwa 10 singles tar-Renju Unit minn album wieħed. Ir-raba’ single tiegħu minn ÷, ‘Perfect’, titla’ fil-quċċata fiż-żewġ naħat tal-Atlantiku u anke fl-Awstralja.

Ir-raba’ album inħareġ fl-2019 u kien l-ewwel album kollaborattiv tiegħu, No.6 Collaborations Project, iddebutta fin-numru wieħed fil-biċċa l-kbira tas-swieq ewlenin, u minnu ħarġu tliet singles li okkupaw in-numru wieħed taċ-charts tar-Renju Unit, ‘I Don’t Care’, ‘Beautiful People’ u ‘Take Me Back to London’.

Il-ħames studio album ta’ Sheeran ġab it-titlu ta’ = (Equals), u rnexxielu wkoll jitla’ fil-quċċata ta’ diversi klassifiki internazzjonali matul l-2021. F’Mejju tal-2023, Sheeren joħroġ is-sitt album tiegħu, Subtract, segwit mis-seba’ album tiegħu, Autumn Variations, maħruġ f’Settembru tas-sena l-oħra mat-tikketta tad-diski tiegħu stess, Gingerbread Man Records.

Sheeran biegħ aktar minn 150 miljun diska madwar id-dinja, li jagħmlu wieħed mill-artisti li l-aktar biegħ diski fid-dinja. Żewġ albums tiegħu jinsabu fil-lista tal-albums bl-aħjar bejgħ fl-istorja tal-klassifika Ingliża. F’Diċembru 2019, l-Official Charts Company klassifikatu bħala l-artist tad-deċennju, għas-suċċessi li kellu fil-klassifiki tas-singles u l-albums fir-Renu Unit matul l-għaxar snin ta’ wara l-2010. Minn April 2022, huwa sar l-aktar artist segwit fuq Spotify.