Lokali

“Għaqdiet jappellaw lill-Prim Ministru sabiex jibdel is-sistema mnawra tal-appelli fil-qasam tal-ippjanar” – Moviment Graffitti


L-ebda 
pass ma ttieħed favur ir-riforma mwiegħda hekk kif il-qasam tal-ippjanar ikompli jsir is-saltna tal-iżviluppaturi

14-il għaqda jikkundannaw in-nuqqas ta’ riforma fil-liġi li tirregola l-appelli fil-qasam tal-ippjanar. Din riforma li wiegħed il-Prim Ministru f’Mejju tas-sena l-oħra u li għadha ma saritx.

Attwalment, l-iżviluppaturi jistgħu jibdew xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li huma koperti minn permessi li jinsabu taħt appell. Dan bosta drabi wassal għal każijiet fejn jiġu irtirati permessi tal-ippjanar għal binjiet li diġà tlestew. L-awtoritajiet imbagħad ma jeħdux l-azzjoni meħtieġa biex ineħħu dawn l-illegalitajiet.

Il-liġi li tippermetti li jsiru xogħlijiet waqt li għaddejjin proċeduri ta’ appell, hija ksur ċar tad-dritt fundamentali li jiġu legalment kontestati deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA). Il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet qegħdin mhux biss ikollhom jerfgħu l-piż finanzjarju sabiex jikkontestaw deċiżjonijiet irregolari tal-PA, iżda jirriskjaw li jagħmlu dan għalxejn peress li l-iżviluppaturi xorta jkunu laħqu bnew.

Matul ix-xhur li għaddew, il-Qorti rrevokat permessi għall-pixxini ODZ fil-Qala, partijiet minn żvilupp f’Sannat, żvilupp fix-Xewkija, u lukanda fil-Mellieħa, wara li nstab ksur serju tal-liġi tal-ippjanar fl-għoti tal-permessi tagħhom mill-PA. Dawn l-istrutturi kollha kienu laħqu nbnew meta ġew irtirati l-permessi tagħhom, u għadhom hemm sal-lum.

Bdew xogħlijiet ukoll fuq żviluppi massivi oħra bħal ta’ Villa Rosa f’San Ġiljan u tal-Mistra Village fix-Xemxija minkejja l-appelli pendenti li jikkontestaw il-legalità tal-permessi tagħhom.

F’Mejju tas-sena l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed tibdil fil-liġi biex il-permessi ta’ żvilupp ma jkunux eżekutabbli sakemm jiġi deċiż l-appell. Iżda l-bidliet imwiegħda għadhom ma rawx id-dawl. Il-Gvern nieda minflok konsultazzjoni pubblika inkwetanti li, bl-iskuża li ser jiġu introdotti l-miżuri tant mistennija, fil-fatt kienet qiegħda timmira li tillimita d-dritt għall-appell. L-organizzazzjonijiet taw il-kontribut uffiċjali tagħhom f’din il-konsultazzjoni iżjed ma semgħu xejn iktar minn dakinhar.

L-organizzazzjonijiet jinnutaw b’rabja li filwaqt li l-ħidma sabiex isseħħ din ir-riforma mwiegħda li tħares id-dritt bażiku tal-appellanti ma saritx, il-Gvern ħaffef biex jipproponi emendi fid-DC15. Dawn l-emendi jippermettu li jinbena sular żejjed, u b’hekk iżidu l-ammonti ta’ nies fi spazji żgħar, il-konġestjoni u l-kostruzzjoni f’Malta u Għawdex. Barra minn dan, dawk l-iżviluppaturi b’permessi li ġew revokati għax bnew iktar sulari milli suppost, u li sa ma ntemmu l-proċeduri tal-appell, laħqu bnew li kellhom jibnu, issa se jkunu jistgħu jirregolarizzaw il-bini illegali tagħhom.

Dawn l-elementi kollha jindikaw qasam tal-ippjanar imnawwar, fejn kull deċiżjoni tittieħed sabiex jibbenefikaw l-iżviluppaturi u jkompli jitnaqqar mill-poter tal-poplu. B’riżultat ta’ dan, l-ibliet, l-irħula u l-kampanja tagħna qegħdin ikomplu jiġu mħarbta mir-regħba u jitmexxew mill-bullies.

Huma jappellaw lill-Prim Ministru sabiex idaħħal minnufih ir-riforma mwiegħda dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-permessi waqt li jkunu għaddejjin proċeduri ta’ appell quddiem it-Tribunal (EPRT) u l-Qorti tal-Appell. Dan ikun l-ewwel pass żgħir iżda essenzjali sabiex naslu għal minimu ta’ diċenza fis-sistema tal-ippjanar tagħna.