Lokali

Għawdxi investigat wara allegat bejgħ ta’ zalzett magħmul mill-klieb u l-qtates

Anzjan Għawdxi mil-lokalità tax-Xagħra qed jiġi investigat wara diversi rapporti ta’ zalzett tal-Malti magħmul, allegatament, minn laħam ta’ klieb u qtates.

Persuni li avviċinaw lil Net News saħqu li diversi persuni daħlu rikoverati l-Isptar Ġenerali t’Għawdex hekk kif ħassuhom ma jifilħux wara li kkonsmaw minn dan it-tip ta’ zalzett.

Jidher li tul il-ġurnata tal-Ġimgħa, uffiċjali mis-Sanità kif ukoll persuni mill-Animal Welfare u uffiċjali tal-Pulizija marru jwettqu rejd fir-razzett tal-individwu ta’ 67 sena u sabu dak li ġie deskritt bħala rebus sħiħ, b’annimali fi stat ta’ abbandun u telqa kbira.

Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati spjegaw li din mhux storja fittizja iżda verità; li klieb u qtates kienu qed jinqatlu u magħmula f’zalzett tal-Malti għal konsum taċ-ċittadin.

Dan kollu filwaqt li kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa spjegaw li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Finalment, kelliema għall-Pulizija insistew li l-Pulizija ma rċeviet ebda rapport f’dan l-istadju filwaqt li mhux qed jiġi eskluż li dawn l-allegazzjonijiet qed isiru b’mod malizzjuż biex jiġu malafamati xi persuni.

Il-każ għadu qed jiġi investigat.