“Gvern li qed ikompli bil-kultura ta’ ħabi. Dan hekk kif il-Ministru Chris Bonett ma weġibx id-domandi parlamentari b’rabta man-nefqa fuq proġetti infrastrutturali.”
Dan intqal mill-PN f’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu indirizzata mix-Shadow Ministers Joe Giglio u Mark Anthony Sammut, fejn gie spjegat kif riċentament saru numru ta’ Mistqosijiet Parlamentari dwar il-proġetti ta’ Infrastructure Malta. Bid-deputat Joe Giglio jsaqsi għall-isem tat-triq fejn sar il-proġett kif ukoll in-nefqa ta’ kull proġett – informazzjoni li kienet imqassma f’madwar 60 domanda.
Hawnhekk, Joe Giglio qal li għandna konferma li qed tkompli l-kultura ta’ ħabi mill-Partit Laburista, bil-Ministru Chris Bonett qed jirrifjuta li jagħti ċ-ċifra tan-nefqa ta’ kull proġett; xi ħaġa li l-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt li jkun jaf.
Minn naħa tiegħu, Mark Anthony Sammut qal li l-kultura ta’ ħabi qed tidher fis-setturi kollha, tant li meta l-Partit Nazzjonalista staqsa dwar in-nefqa fuq il-konsulenzi, il-Gvern ta’ Robert Abela ħarab milli jwieġeb. Huwa saħaq li ħadd ma jistenna dan it-tip ta’ aġir f’pajjiż fejn suppost tirrenja d-demokrazija.
Apparti minn hekk, Mark Anthony Sammut sostna li Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista se jaħdem bi trasparenza assoluta u b’governanza tajba.
Hawn, huwa fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista bil-għan li tkun indirizzata l-problema tat-traffiku; fost l-oħrajn li jkun hawn investiment fi trasport tal-massa, kif ukoll li f’pajjiżna jkollna mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità minflok fuq il-kwantità.
//= $special ?>