Friends of the Earth Malta wriet tħassib għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Bidla fil-Klima (NECP) ta’ pajjiżna bl-għaqda tisħaq li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni pubblika hija konferma li l-Gvern ta’ Robert Abela falla fil-proċess demokratiku fejn jidħlu deċiżjonijiet bħal dawn.
Fi stqarrija, Friends of the Earth Malta spjegat li l-istati membri fl-EU huma obbligati li jippreżentaw pjan dwar kif il-pajjiż se jindirizza problemi fi ħdan is-settur tal-enerġija fosthom l-effiċjenza tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija – b’dan il-pjan irid ikun ippreżentat sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Iżda sal-lum għadha ma saritx konsultazzjoni pubblika għall-ebda stadju tad-dokument tal-NECP bil-Ministru Miriam Dalli tgħid li l-konsultazzjoni pubblika se ssir fiż-żmien li ġej. Fl-istqarrija ntqal li l-pubbliku ma kienx infurmat bi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika wisq anqas b’opportunità fejn wieħed jista’ jipparteċipa f’dikussjoni b’rabta ma’ dan id-dokument importanti.
Fl-istqarrija ġie spjegat li r-regolamenti għall-Istati Membri b’rabta ma’ dan id-dokument jgħid abjad fuq l-iswed li l-pubbliku għandu jingħata opportunità biex jipparteċipa fil-preparazzjoni tal-NECP mal-ewwel ċans u sew qabel id-data meta d-dokument irid jiġi ppreżentat. Dan apparti li f’Diċembru li għadda il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Gvern Malti li għandu jassigura parteċipazzjoni inklussiva sabiex jiġu diskussi proposti differenti għas-settur tal-enerġija.
Intant, Friends of the Earth Malta wriet tħassib kbir għall-fatt li Robert Abela falla kompletament milli jirrispetta dawn l-obbligazzjonijiet li ġew provduti mill-Kummissjoni Ewropea.
//= $special ?>