Gvern immexxi minn Robert Abela qiegħed hemm biex jagħti kuntratti tal-Gvern ivvizzjati bil-flus imorru għand tal-qalba b’detriment lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu
Il-Partit Nazzjonalista kiseb maġġoranza f’Għawdex għax il-politika tal-Partit Nazzjonalista offriet tama u ħidma għalik, għall-poplu Għawdxi u Malti. B’din l-istess maġġoranza tnibbet ukoll twelid ta’ maġġoranza ġdida Nazzjonalista.
Dan hu dak li qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione matul attività li ttellgħat f’Għajnsielem Għawdex fejn elenka l-fatt kif wara l-elezzjonijiet li għaddejna minnhom, bqajna naraw Gvern arroganti jberbaq il-mijiet ta’ miljuni fi proġetti dubjużi. B’referenza ċara wkoll għal tender b’valur ta’ €600 miljun immexxi minn Miriam Dalli li ġie kkundannat mill-Qorti tal-Appell.
Huwa tenna li maġġoranza ġdida tal-Partit Nazzjonalista se tkun mibnija fuq nies li anke jekk ma nkunux naqblu f’kollox iridu li l-affarijiet isiru b’mod serju u trasparenti u mhux korrott.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna wkoll kif l-aġir ħażin tal-Gvern wassal biex Malta titpoġġa taħt Excessive Deficit Procedure. Huwa kompla billi qal li Il-Gvern għandu jaqta’ l-infiq li sejjer lejn il-korruzzjoni u l-flus kbar li qed iħallas lill-ħbieb tal-ħbieb li waslu biex jibda dan l-proċess li se jsarraf f’detriment għall-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione fakkar kif il-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit li offra u qed joffri t-tama f’pajjiżna, irringrazzja wkoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, lill-uffiċjali, lill-kandidati kollha tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali għax-xogħol siewi li wettqu f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur.
Kompla billi tenna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ ddedikat biex joħloq ekonomija reali li taħdem għal kulħadd filwaqt li jrawwem żvilupp sostenibbli li jibbilanċja t-tkabbir ekonomiku mal-ambjent. Pjan li jinkludi riformi komprensivi fis-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-enerġija, sabiex jiżgura li kull ċittadin ikollu aċċess għal servizzi u opportunitajiet ta’ kwalità għolja.
Dan apparti li se tingħata importanza sabiex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fix-xena globali, billi Malta tkun xempju ta’ governanza tajba u innovazzjoni – dan apparti soluzzjonijiet għal Malta aħjar permezz tad-diversità ta’ ideat u perspettivi biex jiġu indirizzati l-isfidi li jeżistu.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione għalaq billi fakkar kif il-bieb tal-Partit Nazzjonalista se jibqa’ dejjem miftuħ għal kull persuna bi tħejjija għal tmexxija minn Partit Nazzjonalista b’politika onesta u mimlija ideat – Gvern Nazzjonalista ta’ kulħadd.
//= $special ?>