Lokali

Il-PN iwissi dwar il-fatt li l-Gvern qed jarmi lill-barklora

Il-Partit Nazzjonalista hu ddiżgustat u ddiżappuntat bil-mod kif il-Gvern qed jitratta lill-barklora.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati Ivan Castillo u Julie Zahra.

Hu tal-mistħija kif il-Gvern Laburista qed jarmi lil dawn il-ħaddiema, li mhux biss jagħtu servizz importanti, iżda wkoll esperjenza kulturali għax iżommu ħajja tradizzjoni ta’ 400 sena.

Il-barklora għandhom ikunu trattati b’mod ugwali u bir-rispett li jixirqilhom. Ħaddiema li jixtiequ jaghtu servizz aħjar u aktar wiesgħa, iżda li l-Gvern, minflokk jappoġġjahom, qed iwaqqafhom biex jaġevola lil tal-qalba.

Il-Gvern Laburista m’għadux partit tal-ħaddiema u llum dan hu ċar aktar minn qatt qabel, speċjalment u b’mod partikolari f’dan il-każ, fejn il-Partit Laburista qed jarmi lill-ħaddiema biex jakkomoda u jagħti preferenza lil ta’ ġewwa biss.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li se jkun ta’ spalla għall-barklora u jara li dawn jingħataw widen u jkunu trattati b’dinjità. Il-Partit Nazzjonalista jrid jara li dawn il-ħaddiema, li jipprovdu ġawhra kulturali, ikunu sostnuta.

Jidher ċar li l-Partit Laburista ma tgħallem xejn, qal il-PN fl-istqarrija.