Sport

Jispikkaw  fit-tellieqa ta’ 10km tal-Hudson Race Series f’Ħad-Dingli

Leon Chetcuti u Mark Herrera
Brandon Saliba, Charyl Fava jieħdu r-rebħa fit-tiġrija tal-5k

L-edizzjoni ta’ Ħad-Dingli tal-Hudson Race Series ġibdet folla tajba nhar il-Ħadd li għadda hekk kif nurmu sostanzjali ta’ atleti ħadu sehem f’waħda mill-aktar tlielaq ta’ sfida tas-Serje minħabba li fiha numru ta’ tlajja.

It-tiġrija tal-10k rat lil Leon Chetcuti u Mark Herrera jiġru spalla ma’ spalla mill-bidu nett tat-tellieqa, b’Chetcuti jaqbeż lil Herrera fl-aħħar ftit metri biex jirbaħ, b’distakk ta’ sekonda biss. Fit-tielet post spiċċa Heathcliff Vella. 

It-tiġrija tan-nisa ntrebħet minn Josann Attard Pulis li marret fil-vantaġġ mill-bidu u żammet postha sal-aħħar.  Hija kienet segwita minn Jolene Detbattista, li spiċċat fit-tieni post, filwaqt li Caroline Ciappara ħadet it-tielet post.

Brandon Saliba rebaħ it-tiġrija tal-5k.  Thurstan Dimech u Stefan Sultana ssieltu għat-tieni post, b’sekonda biss tifred lil Dimech u Sultana. Sultana spiċċa fit-tielet post.

Charyl Fava ħarġet rebbieħa tat-tellieqa ta’ 5 km, hija ħadet il-vantaġġ mill-bidu iżda kellha sfida tajba mingħand Veronika Kersyte.  Fit-tielet post spiċċat Norah Zammit li wkoll tat prestazzjoni tajba.

Il-premjijiet u trofej ingħataw  lir-rebbieħa mid-Direttur tat-Tellieqa, Charlie Demanuele, li feraħ lir-rebbieħa u rringrazzja lill-atleti tal-preżenza kontinwa tagħhom kif ukoll lil Hudson Holdings għall-appoġġ kontinwu li jipprovdu.

It-tiġrija li jmiss tal-Hudson Race Series se ssir il-Ħadd 1 ta’ Settembru, f’Burmarrad.