Konferma oħra li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà baqa’ sieket b’rabta mal-Inkjesta Vitals hekk kif waqt is-seduta tal-Ġimgħa, l-Ispettur Anthony Scerri xehed li Gafà kien konxju li kien hemm Inkjesta iżda fl-ebda ħin m’għadda struzzjonijiet sabiex issir investigazzjoni mill-Korp tal-Pulizija.
Matul il-jum tal-Ġimgħa kompliet tinstema’ l-kawża b’rabta mal-iskandlu tal-Vitals quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fil-konfront tal-Eks Ministru u Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna u numru ta’ akkużati oħra.
Waqt ix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Anthony Scerri qal li r-rwol tal-Pulizija kien li jinħarġu r-riferiti kif ukoll li jitwettqu numru ta’ tfittxijiet – fejn matulhom ġew elevati dokumenti li ngħataw lill-Maġistrat Inkwirenti b’mod immedjat. Huwa kkonferma li l-Pulizija qatt m’għamlet analiżi dwar dak li ġie elevat għaliex dawn l-istruzzjonijiet dejjem ġew mingħand il-Maġistrat Gabriella Vella, bil-Kummissarju tal-Pulizija qatt ma ħa azzjoni.
Apparti minn hekk, waqt is-seduta l-Avukat Stefano Filletti qal li l-esperti li kienu maħtura għal din l-Inkjesta Maġisterjali huma ta’ nazzjonalità barranija u skont hu ma jkunux jistgħu jagħtu opinjoni konkreta għaliex ma jafux x’tgħid il-liġi Maltija. Hawnhekk, il-prosekuzzjoni assigurat li l-esperti ġew maħtura skont il-liġi Maltija.
Lejn it-tmiem is-seduta, id-difiża bdiet targumenta dwar il-freezing order li ħarġet fil-konfront tal-imputati fejn l-Avukat Franco Debono talab sabiex il-prosekuzzjoni tagħti spjegazzjoni dwar kif waslu għal dawn l-ammonti.
B’rabta ma’ dan, il-Prosekuzzjoni sostniet li l-liġi ma tobbligax li wieħed jippreżenta provi dwar kif inħarġet il-freezing order.
Il-Qorti skedat seduta oħra għat-2 tal-Lulju. Dan filwaqt li l-kawża se tissokta fis-27 ta’ Ġunju li ġej.
//= $special ?>