L-istudenti tal-MCAST qed jispiċċaw jittalbu lill-Prim Ministru biex jagħmel xi ħaġa hekk kif Abela għadu ma sabx soluzzjoni mal-Union tal-Għalliema bil-konsegwenza li kellhom xi eżamijiet ikkanċellati u oħrajn għadhom ma jafux kif se jirċievu l-marki.
Għaldaqstant, l-istudenti fasslu petizzjoni online fejn qed jitolbu lil Abela biex joffri l-għajnuna tiegħu bil-għan li jkunu jistgħu jaċċessaw il-marki tagħhom jew saħansitra jerġgħu jilħqu qbil fuq dati għall-eżamijiet li ma sarux.
Dan hekk kif matul ix-xahar li għadda l-MUT ordnat l-istaff tal-MCAST sabiex ma jippubblikawx ir-riżultati tal-assessments jew tal-eżamijiet lill-istudenti hekk kif id-diskussjonijiet mal-Gvern għall-ftehim kollettiv ġdid fallew.
Dan id-diżastru fil-qasam tal-edukazzjoni qed ikun wieħed sintomatiku għall-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Clifton Grima, hekk kif minkejja l-ħafna paroli u kliem fieragħ….ma huma qed jaslu mkien għad-detriment tal-għalliema u l-istudenti.
Intant, numru ta’ studenti spjegaw li jinsabu inkwetati ħafna hekk kif din is-sitwazzjoni qed timpattalhom il-futur tagħhom kif ukoll l-istat mentali li jinsabu fih.
Dan kollu minħabba l-fatt li hemm uħud li ma jafux meta se jkunu qed jiggradwaw u oħrajn b’din is-sitwazzjoni ma jistgħux ifittxu xogħol.
Finalment ġie spjegat li filwaqt li huwa fatt li l-għalliema għandu jingħatalhom ir-rispett kollu meħtieġ… ma jistgħux jibqgħu jsofru l-istudenti.
Intant, il-Gvern għadu qed iħalli s-sitwazzjoni wieqfa – mingħajr ebda sinjal li għandu intenzjoni jbiddel jew iċaqlaq xi ħaġa.
//= $special ?>