Il-grupp ta’ Ħ’Attard Girl Guides flimkien ma’ Ħ’Attard Scout Group ikkollaboraw flimkien sabiex l-ispazju komuni fejn jiltaqgħu jsir aktar sigur u aċċessibbli għall-membri ż-żgħar tagħhom.
L-inizjattiva ‘Making the Outdoor Area Safe and Accessible’ saret bil-fondi tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) li hi mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (KMSV) u appoġġjata mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat (MIV). Il-post li jiltaqgħu fih dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet kien il-Biċċerija l-Qadima, u jinsab fi Triq il-Gradilja, f’Ħ’Attard.
Din il-binja hi skedata u ta’ importanza storika, kif ukoll kienet ta’ valur industrijali. Minħabba dan, il-binja tirrikjedi ħafna manutenzjoni li jkun ta’ piż fuq dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet volontarji. Grazzi għall-fondi ta’ VOPS, flimkien mal-ġbir ta’ fondi li saru miż-żewġ gruppi, ir-restawr u l-konservazzjoni ta’ din il-binja saret possibbli.
Qabel bdew dawn ix-xogħlijiet, il-perit iddikkjara l-ħajt diviżorju tal-bitħa fi stat perikloluż. Minħabba f’hekk, dan il-ħajt kellu jsir mill-bidu, filwaqt li jingħata l-attenzjoni meħtieġa sabiex l-aspett tal-binja arkitettorali jiġi ppreżervat. L-entratura li tinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-binja kienet mitluqa, iżda issa ġiet imwessa’ u aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti. Din toffri wkoll aktar sigurtà għall-membri ż-żgħar tal-organizzazzjonijiet, minħabba li ser tintuża minflok l-entratura tat-triq prinċipali.
Apparti minn dan, is-sezzjonijiet taż-żgħażagħ tar-Rangers u l-Ventures li għandhom bejn l-erbatax u t-tmintax-il sena, ingħaqdu flimkien sabiex ħadmu għamara għal barra magħmula minn pallets tal-injam. Filwaqt li din l-inizjattiva serviet bħala esperjenza ta’ tgħalim, il-gruppi ggwadanjaw ukoll spazju komdu li
jinkludi sufanijiet u mejdina sabiex iż-żewġ organizzazzjonijiet igawdu minnhom waqt attivitajiet fil-futur.