Lokali

Niżvelaw x’ġara waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista tal-bieraħ

“Robert Abela ma jrid li jinbidel xejn – illum se nerġgħu niltaqgħu”

Wara li lbieraħ NET News ippubblikat l-Agenda tal-Grupp Parlamentari Laburista, issa llum kellem lil NET News Deputat ieħor Laburista li kkonferma l-ġlied li kien hemm waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Ħamis waranofsinhar.

Tant hu hekk li d-diskussjoni kellha tiġi posposta u ħa titkompla f’laqgħa li ħa ssir aktar tard illum.

Id-Deputat li tkellem ma’ NET News ilmenta li Robert Abela ma kienx preżenti għal-laqgħa sħiħa, imma ħin minnhom qabad u telaq imbagħad wara ċertu ħin reġa’ ġie lura qisu xejn mhu xejn.

L-istess sors kompla billi qal li hemm diżillużjoni fil-Grupp Parlamentari Laburista hekk kif minflok spjegat dwar x’wassal għar-riżultat elettorali, l-Amministrazzjoni tal-Partit ta’ Abela ppruvat tiġġustifika billi tgħid li qed isiru trattattivi biex fil-Kunsilli Lokali fejn l-ebda partit m’għandu maġġoranza assoluta, il-Partit Laburista se jipprova jieħu s-Sindikat u b’hekk tingħata l-impressjoni li l-Partit Laburista rebaħ iktar lokalitajiet milli fil-verità rebaħ.

Tajjeb li nfakkru li fil-Mellieħa u Birkirkara l-maġġoranza relattiva tinsab f’idejn il-Partit Nazzjonalista

Dan id-Deputat, li mhux dak li tana l-aġenda imma ieħor, spjegalna kif kien hemm ħafna tgergir hekk kif Randolph Debattista, is-CEO tal-Partit Laburista, minflok mar fl-istrutturi tal-Partit u ta spjegazzjoni dwar il-ħidma tiegħu, la mar il-Grupp Parlamentari u lanqas attenda l-laqgħa tal-Eżekuttiv li saru tul il-jum tal-Ħamis.

Id-Deputat Laburista għalaq billi qalilna li s-sentiment fil-Grupp Parlamentari Laburista huwa wieħed li qed jingħata x’jifhem li minflok irid jindirizza l-problemi, Robert Abela donnu ma jrid li jinbidel xejn.