Internazzjonali

Renju Unit: Setgħu kisru r-regoli tal-logħob biex rebħu l-flus fuq id-data tal-elezzjoni

Ritratt: EPA-EFE/TOLGA AKMEN

Il-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak, li jmexxi lill-Partit Konservattiv fil-Gvern, qed ikun kawt rigward l-allegazzjonijiet dwar il-logħob tal-flus relatati mal-elezzjoni ġenerali bikrija li għandha ssir fir-Renju Unit fl-4 ta’ Lulju.

Dan meta l-Kummissjoni tal-Logħob – jew Gambling Commission – qed tinvestiga l-aġir ta’ xi persuni li allegatament lagħbu l-flus dwar id-data tal-elezzjoni…Sitwazzjoni li qed tqajjem ħafna tħassib dwar ‘x’jista’ hemm moħbi’ wara l-konferma tad-data fi żmien meta l-uffiċjali b’konnessjonijiet diretti mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street (f’Londra) ma kienu żvelaw xejn u meta ħafna ċittadini kienu qed jistennew li l-elezzjoni kienet se ssir fil-ħarifa.

Fl-aħħar sigħat – u minkejja l-mistoqsijiet kontinwi tal-media – Sunak ma riedx jipprovdi dettalji dwar l-allegazzjonijiet li persuni involuti sew fil-Partit Konservattiv lagħbu l-flus fuq l-elezzjoni li mistennija jirriżultaw f’telfa għat-ories.

Dan meta fl-aħħar ġimgħat żdiedet sew il-pressjoni fuq Sunak, kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala Kap tat-Tories li jidhru li tilfu ħafna mill-appoġġ li kienu jgawdi sa ftit ilu madwar ir-Renju Unit – anki fid-distretti magħrufin bħala fortizzi tal-Konservattivi.

Intant, Sunak, waqt diskors f’Wales, qal li jrid investigazzjoni sħiħa tal-allegazzjonijiet li xi uffiċjali Konservattivi gwadanjaw illegalment mill-imħatri dwar l-elezzjoni. Hu anki għamilha ċara li l-Partit lest biex ikeċċi minnufih kulmin jinqabad li kiser il-liġijiet dwar il-logħob.