Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern ta’ Robert Abela tilef il-kontroll komplet tas-sitwazzjoni fl-MCAST bit-tneħħija tal-Prinċipal, il-Professur James Calleja.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri saħaq li r-responsabbiltà fin-negozjati taqa’ fuq spallejn il-Prim Ministru Robert Abela, li jwiegħed u ma jwettaqx, kif ukoll fuq il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima, li ma wasalx biex jikkonkludi l-ftehim kollettiv mal-MUT sentejn u nofs wara li skada.
“Kawża ta’ dan in-nuqqas serju, eluf kbar ta’ studenti fl-MCAST qed iħallsu l-prezz bl-eżamijiet u l-marki tagħhom, filwaqt li l-letturi għadhom bid-direttivi msejħa mill-union li għadha qed issib il-bibien tan-negozjati magħluqa kontinwament.”
Schembri saħaq li Robert Abela, bħal dejjem, ifarfar mir-responsabbiltajiet tiegħu, jippuntahom lejn ħaddieħor u llum qed ikeċċi lill-Prinċipal tal-MCAST meta s-sena akkademika fadlilha biss ġimagħtejn.
“Dan hu tentattiv iddisprat ta’ Gvern li ma jistax isolvi l-problemi li ħoloq hu stess u minflok, jipprova jitfa’ dejjem it-tort fuq ħaddieħor.”
//= $special ?>