Futbol Sport

Roberto Baggio misruq f’daru waqt li kien qed isegwi Spanja v Italja

(Ritratt: IPA Agency)

Serata negattiva għal-leġġenda tal-futbol Taljan Roberto Baggio hekk kif ġie misruq f’daru, f’Altavilla Vicentina, fir-reġjun ta’ Veneto. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.00pm meta tal-anqas ħames persuni daħlu fid-dar tiegħu, proprju waqt li Baggio flimkien mal-familja tiegħu kienu qed isegwu l-konfront mill-Euro 2024 bejn Spanja u l-Italja.

Baggio, li għandu 57 sena, kellu jittieħed fi sptar f’Arzignano u sarulu punti fuq moħħu. Jidher li wieħed mill-ħallelin tah daqqa bil-pistola wara li t-Taljan prova jwaqqfu. Ftit wara hu u l-familja tiegħu ssakkru f’kamra filwaqt li l-ħallelin bdew ifittxu għall-affarijiet ta’ valur.

Meta l-eks plejer tal-futbol ħass li seta’ joħroġ, fetaħ il-bieb tal-kamra li kienu msakkra fiha u ċempel biex jiġu l-Pulizija. Ir-rapporti fil-media Taljana qalu li l-Pulizija ngħatat filmat tas-CCTV u għaddejja bl-istħarriġ tagħha. Jidher li l-inċident dam għal madwar 40 minuta. Fl-ewwel kummenti pubbliċi, Baggio rringrazzja lil dawk li ħasbu fih u żied li issa jrid jegħleb il-biża’.

B’karriera ta’ aktar minn 20 sena, Roberto Baggio għamel isem għalih innifsu b’karriera kollha fl-Italja u fosthom lagħab ma’ Juventus, Milan u Inter. Mat-tim nazzjonali Taljan lagħab fi tliet edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u fi tmiem il-karriera baqa’ msemmi bħala wieħed mill-aqwa plejers li ħoloq il-futbol Taljan.