Internazzjonali

UE: Eks-Prim Ministru Portugiż favorit għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew

L-eks Prim Ministru tal-Portugall, António Costa, qed jidher favorit għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’pass li kapaċi jikkonfermalu l-kredibbiltà politika…Is-sitwazzjoni qed tidher li nbidlet għal Costa xhur wara li hu spiċċa implikat f’investigazzjoni dwar il-korruzzjoni….Investigazzjoni li ġiegħelitu jirriżenja mill-Gvern biex jipproteġi l-integrità tiegħu bħala politiku.

Wara l-aħħar diskussjonijiet fit-tul, l-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qalu li Costa hu wieħed minn tlett kandidati indikati għal karigi ewlenin fi Brussell – għalkemm l-affarijiet jistgħu jinbidlu minħabba l-potenzjal ta’ negozjati politiċi tal-aħħar minuta.

Intant, ma jidhirx li għandu jkun ta’ xkiel l-istatus ta’ Costa bħala xhud fl-investigazzjoni ġudizzjarja dwar il-korruzzjoni u x-xiri tal-influwenza li allegatament kienet tinvolvi lill-eks Ministri Soċjalisti fil-Portugall.

F’Novembru li għadda, Costa kien għażel li jirriżenja minn Prim Ministru wara li sar magħruf li persuni fi ħdan il-Gvern kienu permettew għall-investimenti illegali u irregolari fi proġetti tal-green hydrogen u proġetti oħrajn. Dan waqt li Costa, li hu wkoll Soċjalista, baqa’ konsistenti fl-istqarrijiet li hu ma kienx involut f’din il-korruzzjoni.

L-Oppożizzjoni taċ-ċentru-lemin kienet rebħet l-elezzjoni ġenerali bikrija ta’ Marzu fil-Portugall, u meta issa qed tamministra lill-pajjiż taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Luis Montenegro.