Internazzjonali

Vjetnam: Putin iwissi lill-Korea t’Isfel dwar l-għajnuna militari potenzjali lill-Ukrajna

Il-President tar-Russja wissa lill-Korea t’Isfel li tkun qed tagħmel ‘żball enormi’ jekk tiddeċiedi biex tipprovdi l-armamenti lill-Ukrajna ħalli tkompli tirreżisti l-invażjoni ta’ artha mill-Armati tal-Kremlin.

Din hi l-ewwel darba li Putin hedded, direttament, lil pajjiż Asjatiku mindu bdiet il-gwerra fl-artijiet Ukreni li issa daħlet fit-tielet sena.

U l-kummenti tiegħu ċirkulaw madwar id-dinja wara li l-Korea t’Isfel qalet li qed tikkunsidra l-possibbiltà li tgħin lill-Ukrajna bil-mezzi militari….Stqarrija li ngħatat wara li r-Russja u l-Korea ta’ Fuq komunista ffirmaw patt ġdid ta’ difiża….Patt fejn il-pajjiżi esprimew ruħhom bħala ‘lesti biex jgħinu lil xulxin f’każ li xi ħadd minnhhom jispiċċa l-mira għall-aggressjoni’.

Waqt diskors li kien qed jagħmel fil-Vjetnam, Putin wissa li Moska, ‘il quddiem, kapaċi tieħu deċiżjonijiet li x’aktarx li ‘ma jogħġbux lit-Tmexxija tal-Korea t’Isfel’.

Hu kompla li Moska tinsab lesta biex tagħti l-armamenti lill-Korea komunista f’każ li l-Istati Uniti u l-Alleati tagħha jibqgħu jwasslu l-armamenti  — b’mod partikulari l-missili moderni — lill-Ukreni.

Putin, fl-istess ħin, qal li r-Russja, f’dawn iċ-ċirkustanzi, anki tirriserva d-dritt li tissupplixxi ‘lir-reġjuni l-oħra tad-dinja’ bl-armamenti li hi stess qed tipproduċi, għalkemm ma qalx għal liema reġjuni kien qed jirreferi.

Il-Korea t’Isfel, min-naħa tagħha, qed tikkundanna bla riservi lill-aħħar ftehim bejn ir-reġim komunista fi Pyongyang u r-Russja…Ftehim li fissritu bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali u li għandha tkun ikkunsidrata bl-akbar serjetà anki mill-pajjiżi l-oħra tal-Asja.