Lokali

Ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien ma’ oħrajn, kienu qegħdin jikkontrollaw nirien f’postijiet differenti tal-pajjiż

Mill-arkivji

Fl-aħħar ħinijiet, il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien ma’ oħrajn mill-oqsma tas-sigurtà u tas-saħħa, kienu qegħdin jikkontrollaw nirien li żviluppaw f’postijiet differenti tal-pajjiż.

L-ewwel nirien żviluppaw fuq bastiment sorġut f’shipyard privata fil-Marsa, li wasslu għal dħaħen perikolużi kkawżati mill-fibreglass. Nirien li kienu kkontrollati fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu minn 30 pumpier, f’operazzjoni li matulha ntużaw 10 vetturi u lanċa. Il-pumpiera mlew il-bastiment bil-foam biex jeqirdu kemm jista’ jkun id-dħaħen tossiċi. L-operazzjoni kienet maħduma b’suċċess ukoll f’temperaturi għolja li bħalissa qed tesperjenza Malta.

Matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, l-elementi naturali tar-riħ u t-temperaturi għolja komplew jaggravaw nirien li żviluppaw fl-inħawi ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq. Dwar dawn in-nirien infetħet inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-pumpiera mexxew operazzjoni biex jiġu kkontrollati. In-nirien kienu mifruxa fuq medda ta’ daqs ta’ żewġ grounds tal-football ta’ ħaxix niexef li kkawża grass fires.

Grass fires oħra matul il-lejl kienu wkoll ikkontrollati fil-limiti ta’ San Ġwann. Hawnhekk, in-nirien kienu mitfija f’qasir ħin.

Filwaqt li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jibqa’ jissokta b’investimenti varji biex kemm jista’ jkun jibqa’ ppreparat għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza varji, id-Dipartiment jappella għall-kawtela u l-attenzjoni tal-pubbliku.

Kulħadd għandu jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa fejn jidħol in-nar, speċjalment f’żoni suxxettibbli li jiżviluppaw fihom nirien, kawża anke tal-elementi naturali u tal-ħaxix niexef matul ix-xhur tas-sajf.