“Jum ieħor – Falliment ieħor.”
Fi stqarrija li ġiet ppubblikata s-Sibt, il-Kamra tal-Kummerċ ikkrittikat bl-aħrax lill-Gvern dwar in-nuqqas ta’ governanza tajba u trasparenza fis-sistema tax-xiri pubbliku. Dan hekk kif fl-aħħar jiem il-Qorti tal-Appell kkundannat il-proġett tal-inċeneratur – tender b’valur ta’ €600 miljun immexxi minn Miriam Dalli.
Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li rapporti ppubblikati mill-NAO, deċiżjonijiet mogħtija mill-bord tal-appelli u sentenzi tal-Qorti ikkonfermaw ripetutament li s-sistema tax-xiri pubbliku mhix qed taħdem b’mod trasparenti, u dan jirriżulta f’abbuż irresponsabbli tal-fondi pubbliċi.
Minkejja li r-riforma li ġiet imfassla fl-2021 fir-“Rapport dwar ir-Riforma tax-Xiri Pubbliku” – li tfassal riforma komprensiva b’aktar minn 40 rakkomandazzjoni għal governanza aħjar – il-Kamra tal-Kummerċ insistiet li minn dakinhar, ma sar xejn tanġibbli, għaliex il-problemi mhux tali ma ġewx solvuti, talli komplew jikbru.
Il-Kamra tal-Kummerċ kkrittikat bl-aħrax lill-Gvern għaliex il-ksur tar-regolamenti u l-abbużi fix-xiri pubbliku komplew iseħħu minħabba li hemm trasparenza limitata, kontrolli interni dgħajfa, kontrolli u bilanċi inadegwati, kif ukoll kunflitti ta’ interessi.
Il-Kamra tal-Kummerċ kompliet tinsisti li filwaqt li l-Gvern irrikonoxxa l-importanza li jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet b’mod effettiv, il-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh minflok jisħaq fuq l-urġenza fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa
Fl-istess stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ elenkat numru ta’ rakkomandazzjonijiet li jinkludu:
- Pubblikazzjoni avvanzata obbligatorja tal-prospetti tax-xiri għas-6 xhur ta’ wara;
- Proċessi ta’ konsultazzjoni tas-suq;
- Ingaġġ ta’ esperti tassew indipendenti fl-abbozzar ta’ dokumenti tax-xiri;
- Skrutinju aħjar tad-direct orders kollha qabel il-ħruġ tagħhom; u
- It-twaqqif ta’ Reġistru tal-Kuntratti aċċessibbli għall-pubbliku, u li jenfasizza b’mod ċar il-miri speċifiċi u r-riżultati milħuqa mill-kuntrattur, l-ammont tal-ħlasijiet u meta jkunu saru l-pagmenti.