Lokali

“It-terminu ta’ Angelo Gafa bħala Kummissarju tal-Pulizija m’għandux jigi mġedded” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li fil-jiem li ġejjin, it-terminu tal-Kummissarju tal-Pulizija se jkun qed jagħlaq. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jiddikjara b’mod ċar li t-terminu tiegħu m’għandux jiġi mġedded.

Hekk sostna Darren Carabott ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi waqt li kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet kbar li ħarġu waqt it-tmexxija tiegħu tal-Korp, li wasslu għal nuqqas ta’ ġustizzja u infurzar tal-liġi, kif ukoll għal frustrazzjoni kbira għal Uffiċjali serji li jridu jaqdu dmirijiethom fil-Korp.

In-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Laburista biex ineħħi lill-Kummissarju Angelo Gafa wassal biex dgħajjef ir-reputazzjoni tal-Korp, allura għal nuqqas ta’ riżorsi, nuqqas ta’ numri fir-reklutaġġ u nuqqas ta’ motivazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq f’numru ta’ istanzi, b’mod partikolari meta inkjesti kixfu n-nuqqasijiet tal-Kummissarju Angelo Gafa, li dan kellu jitneħħa immedjatament. Madankollu, il-Gvern Laburista baqa’ jagħtih fiduċja għamja. Issa li wasal il-waqt li jiskadilu t-terminu, la l-Gvern ma ħax id-deċiżjoni qabel, il-Partit Nazzjonalista jtenni li m’għandux jiġi estiż it-terminu.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li f’pajjiżna hawn numru ta’ nies li huma denji jokkupaw din il-kariga tant importanti għas-saltna tad-dritt f’pajjiżna u fuq kollox li jieħdu azzjoni meta pajjizhom isejħilhom.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li din hi opportunità oħra li fiha ż-żewġ naħat tal-Kamra kapaċi jaslu għall-qbil unanimu fuq persuna li tgawdi l-fiduċja tal-poplu Malti u persuna li għandha l-kredenzjali kollha meħtieġa biex taħdem favur Malta mingħajr biża’ jew favuri lejn ħadd.