Wara li l-istudenti tal-MCAST ilhom għal dawn l-aħħar xhur għaddejjin minn diffikultajiet minħabba n-nuqqasijiet tal-Gvern Laburista lejn l-għalliema, issa saret petizzjoni sabiex jappellaw lill-Prim Ministru, Robert Abela biex jintervjeni u jgħin lill-istudenti affettwati.
Għal dawn l-aħħar ġimgħat, l-istudenti tħallew fid-dlam dwar il-progress tagħhom u studji ulterjuri possibbli, b’madwar 8,000 persuna qed tkun affettwata b’xi mod jew ieħor. Dan għaliex in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-marki li kisbu fl-eżamijiet u xogħol li wettqu qed twassal biex ma jkunux jistgħu japplikaw għal xi kors fl-Università ta’ Malta – u wisq inqas jistgħu jibdew jaħdmu fis-settur li huma studjaw fih.
Dan kollu qed iseħħ minħabba li l-Gvern ilu x-xhur iwiegħed lill-edukaturi kundizzjonijiet u pagi aħjar; iżda baqa’ ma wasalx. L-MUT sejħet tilwima industrijali għall-għalliema tagħha – fejn il-kundizzjonijiet jinkludu ż-żamma u l-ipproċessar tal-marki tal-istudenti, u li ma jservux bħala invigilator waqt l-eżamijiet u ma jkunux parti mill-proċess tal-vivas.
L-istudenti qed ifakkru li huma jixtiequ biss “edukazzjoni mingħajr ostakli u limiti”.
Ġie kkonfermat ukoll mid-direttur tal-MCAST, Martina Caruana li l-vivas mhux se jkunu qed isiru bħala parti mid-direttivi tal-MUT. Il-vivas huma laqgħat importatni fejn l-istudenti tal-aħħar sena li jkunu se jigradwaw jippreżentaw ix-xogħol tagħhom biex il-marka finali tkun ikkonfermata.
Intant, fl-aħħar żviluppi dwar din is-saga, issa ġie kkonfermat ukoll li l-prinċipal tal-MCAST, Joachim James Calleja kien imkeċċi mill-irwol. Dan seħħ billi l-kuntrat tiegħu ma kienx imġedded mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
//= $special ?>