Lokali

“Nemmen li jeħtieġ tiġdid fil-persuni li jmexxu l-Partit Laburista” – Vella Gafà

Il-kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew Marija Sara Vella Gafà iddikjarat illi l-Labour jeħtieġ jiġġedded fid-dawl tal-messaġġ b’saħħtu li wassal il-poplu Malti u Għawdxi fl-aħħar elezzjonijiet permezz tal-vot tiegħu. Dan wara li l-Labour tilef għaxar Kunsilli Lokali …u tilef siġġu fil-Parlament Ewropew.

Vella Gafà kienet qed tiehu sehem f’diskussjoni waqt il-programm Andrew Azzopardi on RTK fejn minkejja illi qalet li jeħtieġ tiġdid fil-Labour – meta sfidata mill-avukat Franco Debono biex tgħid min huma dawn il-persuni li għandhom jitilqu minn posthom, hi baqgħet lura milli tagħti ismijiet.

B’Vella Gafà tagħti x’tifhem li l-Labour issa irrealizza li jeħtieġ li l-Gvern jieħu direzzjoni differenti. Dan meta sa ftit ilu, il-messaġġi minn Kastilja kienu kompletament l-oppost.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jappella lill-Gvern Laburista sabiex minnufih ibiddel id-direzzjoni tiegħu fejn saħansitra preżenta għadd ta’ proposti favur il-poplu; proposti li l-Gvern warrabhom qabel biss ikkunsidrahom.

Fost dawn: il-ħtieġa li jinbidel il-mudell ekonomiku u jissawru setturi ġodda. B’Robert Abela jagħżel li jibqa’ jdeffes rasu fir-ramel, minkejja li membri fi ħdan il-Partit Laburista stess ilhom żmien twil jappellaw lill-Prim Ministru għall-ħtieġa ta’ riveżjoni u tibdil, fosthom il-Ministru tal-Finanzi nnifsu, Clyde Caruana.