Sport Waterpolo

Rebħa komda għaż-żgħażagħ Maltin… it-Turkija l-avversarji li jmiss

(Ritratt: Timmy Cutugno)

AFRIKA TA’ ISFEL……….. 9

MALTA……………………….. 16

(4-4), (1-4), (3-3), (1-5)

It-Turkija huma l-ostaklu li jmiss fit-tentattiv li t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-16-il sena tal-anqas jikseb is-17-il post. Iż-żgħażagħ Maltin kellhom il-kontroll tal-logħba iżda kellhom jistennew sal-aħħar sessjoni biex aċċertaw ir-rebħa. B’dan ir-riżultat, Malta aċċertat minn post mal-aqwa 20 tad-dinja.

It-tim Malti kellu jistenna sal-aħħar sekondi tal-ewwel sessjoni biex mar fil-vantaġġ b’gowl ta’ Shailon Cutajar Casha iżda Timothy Young ġab id-draw eżatt ma’ tmiem is-sessjoni. Din kienet l-uniku darba li l-Afrika ta’ Isfel kienet fil-vantaġġ tul is-sessjoni.

Fit-tieni sessjoni, it-tim Malti beda jkabbar id-distakk b’erba’ gowls minn erba’ plejers differenti. L-Afrika ta’ Isfel baqgħet tipprova żżomm ir-ritmu tat-tim Malti u f’żewġ okkażjonijiet id-distakk niżel għal żewġ gowls biss sakemm gowls minn Sam Engerer u Sean Mifsud kabbru l-vantaġġ għal 11-7. Matthew Fenn naqqas id-distakk minn penalty.

Kienu gowls fil-bidu tal-aħħar sessjoni skorjati minn Cutajar Casha, Sam Engerer u Sean Mifsud li aċċertaw mir-rebħa Maltija, bil-plejers Maltin baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem. Malta tilgħab il-logħba li jmiss ta’ klassifikazzjoni llum kontra t-Turkija fis-7.00pm fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Afrika ta’ Isfel: M. Mafunda, A. Barrett (2), T. Williams, C. Haworth (1), T. Young (2), D. Fisher, B. Bigara, T. Pasqualle, N. Reiback, M. Fenn (3), C. Malumbete, M. Cross (1), T. Aylward

Malta: Z. Dzanovic, M. Lanzon (2), T. Fenech, A. Aquilina, S. Cutajar Casha (3), M. Cassar, S. Mifsud (4), S. Engerer (5), J. Pawley, J. Borg Tabone (2), A. Fava, P. Tabone, Z. Attard

Referees: Alexandru Mustata (Rumanija), Scott Michael Voltz (Stati Uniti)