Internazzjonali

Temperaturi inkwetanti fin-nofsinhar tal-Ewropa – appelli biex in-nies jevitaw l-eqqel tas-sħana

Mal-bidu tal-istaġun tas-sajf, it-temperaturi f’pajjiżi Ewropej diġa’ qed jaqbżu l-40°C f’uħud mill-ibliet.

L-awtoritajiet Griegi għażlu li jgħalqu l-Acropolis, f’Ateni, filwaqt li tmien bliet fl-Italja ħarġu appelli biex wieħed jevita l-eqqel tas-sħana u jixrob kemm jista’. Mal-kosta tat-Turkija, it-temperaturi saħansitra telgħu 12°C iżjed minn dak li huwa normal f’dan il-perjodu .

Temperaturi li ħarbtu wkoll il-pjanijiet tal-Logħob Olimpjadi f’Pariġi li se jkunu qed jibdew fi tmiem ix-xahar li ġej hekk kif l-organizzaturi spiċċaw jinkwetaw għas-saħħa tal-atleti tant li kellhom jaddattaw għat-temperaturi estremi li mistennija nesperjenzaw għall-ġimgħat sajfin li ġejjin.

Temperaturi għoljin mhux biss fl-Ewropa imma anke fl-Indja fejn bħalissa pajjiżi fit-tramuntana tal-pajjiż għaddejjin minn mewġa ta’ sħana filwaqt li f’Delhi mmarka rekord ta’ temperatura baxxa matul il-lejl – dik ta’ 35°C.

F’Saudi Arabia t-temperaturi laħqu l-50°C, b’550 Musulman tilfu ħajjithom meta kienu qed jivvjaġġaw lejn Mecca għal pellegrinaġġ.

Partijiet mill-Amerika u l-Kanada wkoll qed jesperjenzaw temperaturi għoljin ferm li qed jikkawżaw għal problemi ta’ saħħa.

Minn naħa l-oħra, Franza u l-Ġermanja qed jesperjenzaw temp oppost fejn saħansitra kellhom ġimgħa b’maltempati bir-ragħad li żviluppaw hekk kif arja aktar friska minn partijiet tat-Tramuntana tal-Ewropa ltaqgħet ma’ arja sħuna minn partijiet fin-Nofsinhar. Kawża ta’ xita qawwija, zoni fil-Ġermanja fejn qed isiru l-partiti tal-Euro 2024 ngħalqu għal raġunijiet ta’ sigurtà. Kien hemm ukoll rapporti ta’ tornado fi Franza li saħansitra qerdet razzet filwaqt li niżel silġ b’daqs ta’ madwar 6 ċentimetri.