Lokali

Tnejn mill-każijiet ta’ minoreni kienu jinvolvu abbuż sesswali minn saċerdoti djoċesani

Is‑Safeguarding Commission fl-2023 ikkonkludiet 26 każ, 18 minnhom jinvolvu minuri u tmienja jinvolvu adulti vulnerabbli.

F’konferenza tal‑aħbarijiet dwar il‑ħidma tas-Safeguarding Commission matul is‑sena li għaddiet, il‑Kap tal‑Kummissjoni Mark Pellicano qal li erbgħa mit‑18‑il każ li jikkonċernaw minuri kienu sostanzjati.

Tnejn minn dawn il‑każijiet kienu jinvolvu abbuż sesswali minn saċerdoti djoċesani. Wieħed mis‑saċerdoti ġie referut lill‑awtoritajiet ċivili. Il‑vittma tal‑każ l‑ieħor — li meta ġie referut il‑każ kienet diġà adulta — ma xtaqitx tipproċedi b’rapport tal‑pulizija minkejja l‑għajnuna offruta mill‑Kummissjoni biex tagħmel dan. Fiż‑żewġ każijiet kienet rakkomandata restrizzjoni tal‑ministeru pubbliku.

Iż‑żewġ persuni involuti fil‑każijiet l‑oħra li jikkonċernaw minuri kienu lajċi. Wieħed mill‑każijiet kien jinvolvi abbuż sesswali, filwaqt li l‑każ l‑ieħor kien ta’ fastidju sesswali. Iż‑żewġ każijiet ġew referuti lill‑awtoritajiet ċivili.

Rigward il-kumplament tal‑każijiet, wieħed kien parzjalment sostanzjat, wieħed ma kienx sostanzjat u l‑ieħor ma kienx jitqies bħala każ ta’ safeguarding. Ħames każijiet ġew referuti lil entitajiet jew isqfijiet barra minn Malta u ġew indirizzati minnhom. Is‑sitt każijiet l‑oħra ma kienu jeħtieġu l-ebda azzjoni ulterjuri mill‑Kummissjoni.

Mit‑tmien każijiet li jikkonċernaw adulti vulnerabbli, erbgħa minnhom kienu sostanzjati. Il-kategorija ta’ adulti vulnerabbli tinkludi persuni li minħabba żbilanċ ta’ poter mhux neċessarjament ikollhom l-abbiltà li jagħrfu jew jirreżistu abbuż sesswali jew forom oħra ta’ abbuż relatati ma’ safeguarding.

In-nies li fuqhom saret l-allegazzjoni huma żewġ reliġjużi u żewġ lajċi. F’dawn l‑erba’ każijiet ġiet irrakkomandata restrizzjoni fuq il-ministeru pubbliku iżda ma ttieħdet l‑ebda azzjoni oħra għaliex il‑vittmi ma xtaqux jagħmlu rapport mal‑awtoritajiet ċivili jew għax ma twettaq l-ebda reat.

Pellicano, li ppreżenta l‑ewwel rapport tiegħu minn meta nħatar bħala Kap tas‑Safeguarding wara Andrew Azzopardi, spjega li madwar nofs il‑każijiet konklużi mis‑Safeguarding Commission matul is‑sena li għaddiet seħħew aktar minn għaxar snin ilu.

Pellicano qal: “Is‑Safeguarding Commission hi responsabbli li tħeġġeġ għal ambjenti siguri fi ħdan il‑Knisja f’Malta permezz tal‑implimentazzjoni ta’ prattiċi preventivi u taħriġ, li tipprovdi l‑għajnuna u l-kura lill‑vittmi u tippromwovi miżuri u inizjattivi għall‑ħarsien tal‑minuri u tal‑adulti vulnerabbli.

“Bħalissa qegħdin fil‑proċess li nirfinaw l‑istruttura tal-Kummissjoni biex nipprovdu aktar kontrolli (checks and balances) bejn il‑funzjonijiet tagħna fl‑investigazzjonijiet u t‑tfittix tal‑fatti, kif ukoll noħolqu taqsima ġdida fi ħdan is‑Safeguarding Commission biex jingħata appoġġ adegwat lil dawk li jitressaq rapport dwarhom.

“Is‑Safeguarding Commission qed tagħmel ukoll reviżjoni estensiva tal‑policies tagħha, f’dokument li se jkun ippubblikat fix‑xhur li ġejjin wara li qed isir proċess konsultattiv.”

Pellicano spjega wkoll li s‑Safeguarding Commission taqdi funzjoni edukattiva u preventiva importanti. Fil‑fatt, matul is‑sena l‑oħra, għamlet background checks fuq aktar minn 5,500 persuna u pprovdiet 22 sessjoni ta’ taħriġ lil aktar minn 1,300 persuna involuta fil‑Knisja. Il‑Kummissjoni għamlet ukoll żewġ kampanji ta’ għarfien.

Biex twettaq aħjar il‑missjoni tagħha, il‑Kummissjoni ħolqot tliet taqsimiet fi ħdan l‑uffiċċju biex tiżgura s‑separazzjoni tar‑rwoli u r‑responsabbiltajiet: it‑taqsima tal‑prevenzjoni u t‑taħriġ, it‑taqsima tal‑kura u għajnuna tal‑vittmi, u t‑taqsima tal‑investigazzjoni u l‑assessjar.

Il‑Kap tal‑Kummissjoni hu responsabbli mill‑Uffiċċju tas‑Safeguarding, li jaġixxi bħala l‑intermedjarju ewlieni bejn l-Arċisqof ta’ Malta u l‑Konferenza tas‑Superjuri Reliġjużi Maġġuri (KSMR), kif ukoll iservi bħala l‑kuntatt dirett bejn l‑entitajiet kollha tal‑Knisja, l‑awtoritajiet statutorji u l‑Kummissjoni nnifisha.

Is-Safeguarding Commission m’għadhiex tara każijiet relatati mad-Djoċesi ta’ Għawdex wara li fl-2022, id-djoċesi Għawdxija waqqfet Safeguarding Commission għaliha. Dan ifisser li kull allegat każ ta’ safeguarding li seħħ f’Għawdex għandu jiġi referut lill-Isqof ta’ Għawdex jew lid-delegat tiegħu.

Is‑Safeguarding Commission hi responsabbli mill‑promozzjoni ta’ ambjenti siguri fi ħdan il‑Knisja f’Malta. Dan jitwettaq permezz tal‑implimentazzjoni ta’ prattiċi preventivi u taħriġ, kif ukoll tingħata l‑kura u għajnuna lill‑vittmi.

Il‑Kummissjoni hi responsabbli li twettaq investigazzjonijiet preliminari u assessjar tar‑riskju dwar l-allegati każijiet imressqa għandha, u tħares il‑benesseri ta’ dawk li rreferew każ u tal‑allegati vittmi, kif ukoll il‑benesseri ta’ dawk li huma s‑suġġett tal‑allegazzjoni.

Is-safeguarding li jiġu referuti lill‑Kummissjoni jiġu investigati u assessjati minn tim ta’ professjonisti li jfasslu rapport u wara jiġi skrutinizzat mis‑Safeguarding Advisory Board. Il‑Bord hu magħmul minn professjonisti minn diversi oqsma, fosthom il‑psikjatrija, il‑psikoloġija, il‑ħidma soċjali, il‑pedjatrija u l‑counselling. Dan il-Bord hu fdat mill‑Knisja f’Malta biex jaħdem b’mod awtonomu mill‑istrutturi tal‑Knisja.