Lokali

Abela jbaxxi rasu għal kandidatura ta’ Metsola – jgħid li xorta ma jaqbilx mad-deċiżjonijet tagħha

Jinjora għal kollox il-ġlied intern li għandu fil-Partit tal-Labour

Il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar jiem kellu jbaxxi rasu għall-għajta b’saħħitha ta’ poplu fil-vot tagħhom fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b’rekord ta’ voti miksuba minn Roberta Metsola.

Dan hekk kif Abela, f’intervista fuq is-Super One, ikkonferma l-U-Turn tiegħu hekk kif stqarr li se jkun qiegħed jaqbel mal-kandidatura ta’ Metsola għat-tieni terminu għall-President tal-Parlament Ewropew bħala l-kandidata għall-EPP.

Madanakollu, minkejja kollox, xorta waħda baqa’ jattakka lil Roberta Metsola u kompla bl-istess narrattiva negattiva li żamm magħha tul il-kampanja elettorali kollha fil-konfront tal-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista. Iżda fl-istess waqt ammetta li kellu jċedi għar-rieda tal-poplu.

Intant, fuq it-tema Ewropea, Abela ta’ x’jifhem li se jkun qiegħed jipproponi nies ġodda għal karigi Ewropej….fosthom il-kandidatura tal-Backbencher Laburista Edward Zammit Lewis fil-Qorti Ewropea u stqarr li l-Partit Nazzjonalista mhux se jkun qiegħed jaqbel man-nomini tiegħu.

Fl-aħħar jiem diversi persuni fosthom anke akkademiċi saħqu li l-eventwali nomina ta’ Zammit Lewis se tkun qed tagħmel aktar ħsara milli ġid lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna minħabba l-qrubija kbira li kellu man-negozjant Yorgen Fenech kif ukoll l-aġir politiku tiegħu.

Dan filwaqt li Robert Abela għad irid jagħżel Kummissarju Ewropew ġdid wara li Chris Fearne talab biex in-nomina tiegħu tiġi rtirata hekk kif tressaq il-Qorti akkużat bi frodi b’rabta mal-Inkjesta Vitals.

B’rabta mat-twissija tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Excessive Deficit Procedure l-Mexxej Laburista għażel li ma jikkumentax dwar it-tberbiq f’pagi li jagħti kostantement lil tal-qalba, jew il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu mgħotija fi skandlu wieħed wara l-ieħor. Wisq inqas għoġbu jitkellem dwar iċ-ċamata li dabbar minħabba l-konġestjoni tat-traffiku li għandha fil-pajjiż.

Abela tkellem dwar il-bżonn ta’ bidla fil-mudell ekonomiku, li wara xhur sħaħ ta’ appelli, issa qed jasal jaqbel mal-Partit Nazzjonalista – iżda surrealment wara mudell ibbażat fuq ir-regħba għall-flus impost mill-Gvern tal-Labour, issa Abela qed jgħid li l-finanzi mhux l-għan aħħari u jrid jiffoka fuq il-valuri.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-fatt li għandna popolazzjoni li qed tikber fl-età u għaldaqstant għandna bżonn ħaddiema barranin – iżda mill-banda l-oħra saħaq li dawk l-impjiegi li huma meqjusa bħala low skilled….għandhom jiġu sostitwiti mir-robotika.

Intant, huwa għażel li ma jħarisx lejn ir-riżultat elettorali, lejn il-fatt li taħtu l-Labour tilef 10 Kunsilli Lokali, sofra emoraġija ta’ voti, kiseb id-daqqa ta’ riżultat elettorali diżappuntanti.

Għażel li ma jsemmix il-fatt li pajjiżna jinsab mingħajr Deputat Prim Ministru u agħar minn hekk għażel li jinjora għal kollox il-fatt li preżentament il-Labour jinsab maqsum għal kollox bis-sejħa ta’ bidla f’dawk li jagħmlu parti mit-tmexxija tal-partit tibqa’ waħda insistenti qalb l-esponenti Laburisti.