Internazzjonali

Gaza: Attakki mill-ajru ġodda… bil-vittmi jiżdiedu

Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, wettqu mewġa ġdida ta’ attakki fuq is-siti militari tal-grupp Ħamas lejn in-naħat ta’ fuq ta’ Gaza. B’riżultat tal-attakki, tilfu ħajjithom għexieren ta’ Palestinjani, b’għexieren oħra jisfaw midruba.

L-iskwadri għall-emerġenzi f’Gaza issa qed jippruvaw isibu l-ħajjin taħt il-bini li nqerdu waqt l-attakki, fost il-konferma li (fl-attakki) mietu tal-anqas 40 – ċifra li kienet mistennija titla’ fis-sigħat sussegwenti.

It-tobba fl-isptar ta’ al-Ahli, fil-belt ta’ Gaza, qed jirċievu kwantità kbira ta’ midruba – flimkien ma’ katavri li ttieħdu direttament lejn il-kamra mortwarja tal-kumpless.

Min-naħa tagħhom, il-kapijiet militari ta’ Iżrael li kkummentaw dwar l-azzjonijiet qalu – mingħajr ma elaboraw – li l-fighter-jets tagħhom ikkonċentraw fuq il-bejtiet tat-terroristi tal-Ħamas viċin il-Belt ta’ Gaza.

Dawn l-imwiet kellhom iseħħu jum wara li tal-anqas 25 Palestinjani oħra sfaw maqtula waqt attakki oħrajn tal-Iżralejani fuq l-hekk imsejħa bliet tat-tined lejn il-limiti ta’ Rafah, fin-Nofsinar ta’ Gaza.

Intant, il-militar Iżraeljan għamilha ċara li se jkompli bl-offensiva fuq il-Ħamas fiz-zoni rispettivi ta’ Gaza u sakemm jaċċerta mit-tmiem tat-theddida terroristika minn dawn il-bnadi.

Dan ukoll meta l-militar Iżraeljan qed jippersisti bl-invażjoni fil-belt ta’ Rafah, fejn hemm il-mijiet tal-eluf tar-refuġjati Palestinjani.

Għalkemm ħafna minn dawn ir-refuġjati, fl-aħħar jiem, spiċċaw jaħarbu minn Rafah, in-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat li f’din il-belt ma hemm l-ebda kwartier jew distrett li jista’ jitqies bħala sikur għaċ-ċivili.

Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet umanitarji f’Rafah huma mfissra bħala ‘atroċi’ u meta l-familji Palestinjani qed ikollhom jgħixu ffullati ma’ xulxin fit-tined u l-ftit appartamenti li fadal – bi ftit li xejn kunsinni tal-ikel u l-ilma u meta anki kważi spiċċawlhom il-provvisti ta’ mediċini.